Il-President tal-Ukraina Volodymyr Zelensky qal li, illum, ma fadal ‘xejn’ minn Mariupol ħlief munzelli ta’ tifrik fejn darba kien hemm il-bini. Dan waqt li l-Gvern Ukren qed jappella lir-Russja biex tippermetti għall-evakwazzjoni ta’ ċivili mill-belt li għadha qed iġġarrab l-assedju qalil mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin.
Il-belt ta’ Mariupol hi mira strateġika għal Moska u ilha l-ġimgħat taħt il-bumbardamenti bla heda — u fejn in-nies qed ibatu nuqqas ta’ ikel, mediċina u dawl. Qed jidher ukoll li r-Russi ‘mhumiex interessati f’Mariupol’ meta l-iskop tagħhom hu biss li ‘jeqirdu din il-belt minn fuq il-mappa’.
U waqt li r-Russja qed tippersisti bl-istqarrijiet li ‘mhix tattakka liċ-ċivili Ukreni’, il-Viċi Prim Ministru tal-Ukrajna, Iryna Vereshchuk, sejħet mill-ġdid biex jinfetħu aktar rotot umanitarji biex isalvaw ir-residenti ta’ Mariupol. Dan meta talanqas 100,000 resident huma ddisprati biex jaħarbu mill-qerda tal-gwerra u ma jistgħux minħabba li r-Russi issa ċirkondaw il-belt għal kollox.
Madankollu, l-Ukrajna għadha tiċħad li ċċedi l-kontroll assolut f’Mariupol bħala kundizzjoni biex ir-Russi jippermettu għat-tluq taċ-ċivili mill-inħawi.
//= $special ?>