Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Is-sitwazzjoni qed issir dejjem aktar distruttiva u imprevedibbli

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Gutererres, qal li l-poplu fl-Ukrajna qiegħed jgħix ‘infern fuq din l-art’ u wissa li s-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż qed issir dejjem aktar distruttiva u imprevedibbli ma kull siegħa li tgħaddi.

Meta kellem lill-ġurnalisti fi New York, Guterres qal li s-sitwazzjoni qed tidher inkontrollabbli u li mhemm xejn ċert ħlief li ċ-ċifri tal-mewt, id-dmija u r-refuġjati jridu ‘jisplodu’ għaż-żmien kollu li tibqa’ għaddejja l-gwerra fl-Ukrajna.

U f’kumment li deher immirat għall-Kremlin ta’ Moska, Guterres enfasizza li ‘din il-gwerra hi moralment inaċċettabbli minbarra li ma tagħmilx sens minn lat politiku jew militari’.

Intant, hu ħeġġeġ mill-ġdid biex il-ġlied fl-Ukrajna jieqaf minnufih u biex il-partijiet kollha ‘jagħtu ċans lill-paċi’.