Il-Ministru tad-Difiża Ukren, Oleksii Reznikov, irrepeta t-twissija li dak li qed iseħħ bħalissa fl-Ukrajna kapaċi jinfirex għal pajjiżi oħra – ‘bil-magna qattiela tal-Kremlin mhix se tieqaf biss hawnhekk (l-Ukrajna) f’każ li s-suldati ta’ Vladimir Putin jaħtfu l-kontroll tal-ibliet Ukreni prinċipali.’
Intant, il-Gvern fi Kiev, flimkien ma’ pajjiżi oħra tal-Ewropa, qegħdin jakkużaw lir-Russja bħala ‘l-ixprun wara t-terrur fuq livell ta’ Stat’ li l-Ukreni ilhom iġarrbu mill-24 ta’ Frar – il-jum meta l-ewwel militar ta’ Moska invada l-artijiet tal-Ukrajna.
Reznikov qal li mal-150 tfal Ukreni spiċċaw brutalment maqtula mill-bidu tal-invażjoni – u meta n-numru jista’ ikun ħafna akbar. Intant, l-Armata tar-Russja qerdet ‘il fuq minn 400 skola u kumpless tal-kindergarten, flimkien ma’ għexieren ta’ istituzzjonijiet ċivili madwar l-Ukrajna.
Il-gwerra fl-Ukrajna, s’issa, issarrfet ukoll f’eluf ta’ ċivili mejtin, bil-qawwiet tal-Kremlin jikkonċentraw fuq iċ-ċivili wara li sofrew diversi disfatti fl-aħħar battalji mad-difensuri Ukreni. Mhux magħruf kemm għad fadal eluf ta’ ċivili Ukreni taħt it-tifrik tad-djar meqruda mill-bombi u l-missili tar-Russi.
‘Hawnhekk nistgħu naraw politika ta’ terroriżmu minn Stat kontra ieħor,’ qal Reznikov, li sostna li ‘ir-Russja kapaċi tattakka pajjiżi oħrajn jekk kemm-il darba ma tinbidilx it-Tmexxija f’Moska.’
//= $special ?>