Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Zelensky irid it-taħditiet ma’ Putin iżda mhux se jaċċetta ultimatum

Il-President tal-Ukrajna Vlodymyr Zelensky, reġa’ sejjaħ għal taħditiet diretti mal-President tar-Russja Vladimir Putin, filwaqt li saħaq li huwa lest li jilħaq kompromess dwar l-offerta tal-Ukrajna li tissieħeb fin-NATO.

Iżda dan jista’ isir biss ġaladarba  jieqaf il-ġlied bejn iż-żewġ pajjiżi, it-truppi Russi jirtiraw mill-Ukrajna u jingħataw il-garanziji ta’ sigurtà minn Moska.

Is-sejħa ta’ Zelensky ħarġet sigħat wara li hu, għan-nom tal-poplu, wassal messaġġ ta’ sfida konkreta lir-Russja fejn għamilha ċara li pajjiżu ‘mhu se jbaxxi rasu qatt għad-diktat jew xi ultimatum mill-Kremlin ta’ Moska’.

Il-President Zelensky kompla li minkejja li r-Russi qed jagħmlu minn kollox biex jeqirdu pajjiżu, mhemm l-ebda possibbiltà li r-residenti fi bliet bħal Kiev, Mariupol jew Kharkiv jistgħu, xi darba, jaċċettaw l-okkupazzjoni ta’ arthom mill-qawwiet tal-għadu.

Sadanittant, il-poplu f’Mariupol – li qed ikun suġġett għall-agħar assedju miż-żmenijiet tat-Tieni Gwerra ‘il hawn – għadu determinat aktar minn qabel li ‘ma jċedi qatt lir-Russi’. Dan minkejja l-qtil konsistenti taċ-ċivili fl-inħawi taħt il-bumbardamenti mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin.

U waqt li x-xita tal-bombi għadha nieżla fuq l-ibliet Ukreni, hu minnu wkoll li l-invażjoni mit-truppi tal-Kremlin baqgħet‘staġnata’ f’diversi zoni tal-Ukrajna. Dan waqt li s-suldati u t-tankijiet tal-gwerra tar-Russi ftit li xejn qegħdin jagħmlu progress waqt l-‘avvanzi’ lejn Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna