Elezzjoni 2022 Għawdex Lokali Proposti 2022

“Il-Partit Nazzjonalista jemmen fik u se jgħinek tasal fejn tixtieq” – Francesco Grech

“Il-Partit Nazzjonalista jemmen fik u se jkun qed jara li l-ħolm tiegħek isir realta.”

Dan kien il-messaġġ li għadda Francesco Grech waqt li kien qed jindirizza l-Mass Rally fir-Rabat Għawdex. Grech stqarr kif huwa sabiħ li wieħed joħlom li jkollu futur aħjar. Hu qal kif kulħadd għandu jkollu xogħol li jagħtih sodisfazzjon filwaqt li jkollu l-ħin liberu tiegħu u mhux irid jaħdem aktar minn xogħol wieħed biex ilaħħaq mal-għoli tal-ħajja. Francesco Grech qal li jixtieq jara pajjiż fejn tkun tista’ tixtri d-dar tiegħek mingħajr ma jkollok għalfejn tibqa’ tħallas il-loan għal ħajtek kollha, fejn l-ewwel ħoss li tisma’ filgħodu ma jkunx dak tal-gaffef u fejn meta tixgħel id-dawl ma tkunx qed tinsteraq mingħajr ma taf.

Francesco Grech kompla jgħid kif kull wieħed u waħda minnha joħolmu li jgħixu f’pajjiż fejn il-Prim Ministru ma jsirx sinjur wara li jkun seraqlek it-taxxi u fejn isem pajjiżna ma jkunx imżeblaħ u imkisser minħabba l-każijiet ta’ korruzjoni li seħħew fl-aħħar snin. Grech qal ukoll kif pajjiżna ħaqqu Gvern li jemmen fil-kapaċitajiet ta’ kull wieħed u waħda minnha b’mod ugwali u mhux li l-maġġoranza taż-żgħażagħ juru x-xewqa li jħallu pajjiżna. Hu kompla jgħid kif jixtieq Gvern li minflok jagħżel lill-iżviluppatur jagħżel lil Għawdex.

Grech tenna kif kull individwu għandu l-poter li jwettaq il-bidla li tant jixtieq u li huwa biss il-Partit Nazzjonalista li jista’ joffri u jwettaq il-ħolma ta’ kull wieħed u waħda minnha. “Hu possibli li tasal fejn tixtieq għaliex anke minn fuq din il-blata tista’ ta bilħaqq tilħaq President tal-Parlament Ewropew” kompla jgħid Grech. Hu ħeġġeġ lill-Għawdxin biex nhar is-Sibt joffru l-bidla li pajjiżna tant għandu bżonn biex il-ħolm ikun jista’ jsir realtà.