Gvern ġdid Nazzjonalista jrid li jkun hemm qabża kbira f’kull livell edukattiv biex ikun żgurat li l-istudenti u ż-żgħażagħ Għawdxin ikollhom l-aqwa opportunitajiet tat-tagħlim u tal-għarfien ta’ żmienna.
Waqt żjara li l-Kap tal-PN Bernard Grech għamel fil-Kampus tal-MCAST f’Għawdex, huwa kellu l-okkażjoni jiltaqa’ ma’ numru ta’ studenti li tkellmu miegħu dwar kemm huwa importanti li jkun hemm iktar investiment f’din il-binja filwaqt li jiżdiedu l-korsijiet li jkunu offruti.

Bernard Grech fakkar kif l-edukazzjoni dejjem kienet prijorita għall-Partit Nazzjonalsita, fejn semma kif l-MCAST hija ħolma ta’ suċċess ta’ Gvern Nazzjonalista… iżda l-PN mhux se jieqaf hawn…. għaliex qed iwiegħed ukoll MCAST ġdid f’Għawdex. fejn apparti li jiżdiedu il-korsijiet offruti jiġu introdotti korsijiet ġodda f’diversi oqsma marbutin mal-għaxar setturi ġodda li se jinvesti fihom f’pajjiżna.

Apparti l-proposta ta’ MCAST ġdid f’Għawdex, Gvern gdid Nazzjonalsita se jżid l-istipendju b’25%, kif ukoll żieda addizzjonal ta 25% lill-istudenti li jwettqu xogħol volontarju ma’ organizzazzjonijiet reġistrati, bħala rikonoxximent għall-kontribut tagħhom lis-soċjetà.
Il-Kap tal-PN fakkar ukoll fil-proposta tal-vawċer ta’ €500 liż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena għal ivvjaġġar sportiv jew kulturali, ħalli jwessgħu l-perspettiva sportiva u kulturali tagħhom, biex imbgħad jirriornaw lura f’pajjiżna biex jibnu l-futur tagħhom.
Jakkumpanjaw lil Bernard Grech kien hemm is-Sinjura AnneMarie, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino kif ukoll diversi kandidati li se jikkontestaw fuq it-tlettax distrett elettorali.
