Elezzjoni 2022 Għawdex Lokali Proposti 2022

“Irridu li Għawdex isir gżira aktar awtonoma” – Bernard Grech

"Għawdex jeħtieġ bidla immedjata fid-direzzjoni t-tajba, qabel ma jkun tard wisq."

“Irridu li Għawdex isir gżira aktar awtonoma ħalli d-deċiżjonijiet tal-ippjanar, tan-niċeċ ekonomiċi ġodda u ta’ ħafna oqsma li jolqtu lill-Għawdxin, jittieħdu mill-Għawdxin stess.”

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta t-Tlieta filgħodu kien qed jindirizza Business B’Fast li sar f’Għawdex.

Huwa qal li l-PN huwa impenjat li mill-aktar fis jieħu lura t-tmexxija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u fl-ewwel ġimgħat ta’ gvern Nazzjonalista tibda l-ħidma għal investiment f’servizz tas-saħħa li jixraq lill-Għawdxin inkluż f’firxa ta’ djar żgħar għall-kura tal-anzjani, inkluż bi speċjalizzazzjoni għal kundizzjonijiet speċifiċi bħad-dimensja, għad-diffikultajiet ta’ saħħa mentali u għall-persuni b’diżabbiltà.

“Gvern Nazzjonalista huwa impenjat bis-sħiħ li jsaħħaħ il-konnessjoni u l-aċċessibbiltà bejn iż-żewġ gżejjer għall-Għawdxin, b’mod partikolari għal dawk li jaħdmu Malta u jaqsmu ta’ kuljum.

Bernard Grech qal li bħalma fid-disgħinijiet il-PN investa fi tliet vapuri għall-Gozo Channel, wasal iż-żmien li ninvestu mill-ġdid f’vapuri ġodda li ma jniġġsux u fil-frattemp, fejn tidħol il-mina taħt il-fliegu, niżguraw li jsiru l-istudji kollha u ssir konsultazzjoni aktar mill-qrib mal-Għawdxin ħalli tkun tista’ tittieħed deċiżjoni aktar infurmata direttament mill-komunita’ Għawdxija. Dan apparti li se jiżdied ix-xogħol f’Għawdex u xogħol ta’ kwalità f’industriji li ma’ jniġġżux.

Il-Kap tal-PN qal li l-Partit Nazzjonalista se jinċentiva ħafna aktar ix-xogħol remot (teleworking) għall-impjiegi li jippermettu dan, u naraw li s-servizz pubbliku jkun eżempju mudell għal dan il-għan.

Bernard Grech fakkar kif f’Għawdex iktar minn Malta hemm sitwazzjoni ta’ mijiet ta’ ħaddiema li qalulhom li tawhom xogħol mal-Gvern iżda daħku bihom. Dawn qed jaħdmu ma’ kuntrattur li jħallas il-paga minima lill-ħaddiema iżda mingħand il-Gvern jieħu ferm izjed.

Huwa qal li l-wegħda tiegħu li dawk il-ħaddiema hija waħda ċara… mhux talli ħadd mhu ser jitlef postu ma’ Gvern immexxi minnu iżda dawk il-ħaddiema se jibdew jaħdmu direttament mal-Gvern u l-ħlas, ħafna drabi anke madwar 300 ewro fix-xahar, li qed imur għand il-kuntrattur jiżdied mal-paga taghkom.

“Aħna ma nidħkux bikom u rridu li jkollkom l-aqwa kundizzjonijiet possibbli u li tagħtu s-sehem tagħkom biex dan il-pajjiż jimxi ‘l quddiem.

Gvern ġdid Nazzjonalista se jinvesti wkoll f’servizzi aħjar u jqis lil Għawdex bħala ekonomija partikolari li teħtieġ pjan ta’ rkupru speċifiku. Dan sabiex Għawdex jerġa’ jibda jospita kumpaniji ta’ servizzi speċjalizzati li joħolqu impjiegi ta’ kwalità f’Għawdex stess.

Barra minn hekk, se jkun żviluppat hub ta’ edukazzjoni internazzjonali f’Għawdex biex ikunu attirati studenti barranin ta’ livell għoli, filwaqt li jkun hemm investiment f’edukazzjoni ħolistika għal uliedna fil-livelli kollha.

Partit Nazzjonalista jwiegħed li kull żvilupp f’Għawdex isir b’mod sostenibbli, tiġi kkontrollata l-kostruzzjoni bla rażan li hi evidenti bħalissa, u niżguraw li nipproteġu l-pajsaġġ uniku ta’ din il-gżira.

Bernard Grech qal li se jkun żgurat li l-industrija turistika Għawdxija terġa’ tieħu l-ħajja wara l-pandemija, tqum fuq saqajn sodi u tissalvagwardja l-ġejjieni tagħha, ħalli terġa’ tkun mutur ekonomiku qawwi għall-Għawdxin.

“Inħarsu wkoll l-ambjent naturali tal-gżira ta’ Kemmuna biex filwaqt li l-bajjiet tagħha jibqgħu attrazzjoni turistika ta’ livell dinji u jħallu l-flus fil-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin, naraw li kull żvilupp li jsir ikun tassew jirrispetta l-ambjent uniku tagħha.”

Partit Nazzjonalsita se jinvesti f’attrazzjonijiet ġodda għall-għaddasa, għax-xabbaturi, għat-tracking, u għal min ifittex irkejjen ta’ mistrieħ fil-kampanja jew ħdejn il-baħar. Se jinvesti wkoll f’aktar taħriġ immirat għall-ħaddiema fis-settur turistiku biex nibqgħu ntejbu u niddiversifikaw kontinwament il-prodott turistiku tagħna.

Apparti dan Gvern ġdid Nazzjonalista se jixpruna u jiġġenera aktar investiment privat sostenibbli f’għadd ta’ lokalitajiet u nħawi minsija, u fix-Xlendi, f’Marsalforn u fil-Belt Vittorja.

“Għawdex jeħtieġ bidla immedjata fid-direzzjoni, qabel ma jkun tard wisq. Għal dan il-għan, irridu ninvolvu lill-partijiet ikkonċernati u interessati kollha biex il-pjan jitfassal mill-Għawdxin u mbagħad ikun jista’ jitwettaq fil-prattika mill-Għawdxin stess.”