Lokali Qorti

Jonathan Ferris jirbaħ €3,000 f’danni fuq malafama minn Saviour Balzan

Dak li kien uffiċjal tal-FIAU Jonathan Ferris rebaħ €3,000 f’kawża għad-danni ta’ libell li kien fetħa kontra l-editur maniġerjali tal-Malta Today Saviour Balzan. Il-Qorti rriżultalha li videoblog ippubblikat ħames snin ilu kien malafamanti.

Fil-filmat, Balzan għamel paragun bejn ix-xogħol tal-eks spettur tal-pulizija u l-investigazzjonijiet dwar l-iskandlu tal-akkwist taż-żejt ma’ dak tad-detective fittizju Pink Panther, Ispettur Clouseau. Balzan ikkritika wkoll lil Ferris talli ftaħar li kien ħa ġassi kontra kuġinuh, u qal li kellu jiġi prekluż milli jagħmel dan u li f’kull każ il-kuġin ta’ Ferris instab mhux ħati.

Fid-dawl tal-ġurisprudenza u d-duttrina l-qorti, ippreseduta mill-maġistrat Victor George Axiak, osservat li kien hemm tifsira waħda biss li qarrej ta’ “intelliġenza ordinarja” seta’ jattribwixxi lill-kummenti ta’ Balzan. It-tqabbil ta’ Ferris mal-karattru fittizju u satiriku tal-Ispettur Clouseau, magħruf għall-inkompetenza tiegħu bħala detective, jimplika li Ferris kien inkompetenti meta kien qed jipproċedi kontra diversi persuni allegatament involuti fl-iskandlu tal-akkwist taż-żejt.

Wara li analizzat mill-qrib il-minuti tal-proċeduri tal-qorti kontra dawk il-persuni – Francis Portelli, Anthony Cassar, Tancred Tabone, Tarcisio Mifsud, Alfred Mallia u Frank Sammut – il-Qorti osservat li minn xi 146 seduta u 78 xhud, kien biss f’persentaġġ żgħir ta’ seduti li ma kien irreġistrat ebda progress għal xi raġuni attribwibbli għal Ferris.

L-eks spettur kien mexxa dawk il-każijiet “b’mod effiċjenti,” sejjaħ xhieda regolarment u anke qala’ tifħir mill-qorti tal-maġistrati. Dwar il-każ kontra l-kuġin ta’ missieru, Raymond Ferris, dak il-każ għadda lilu meta dak iż-żmien l-ispettur Angelo Gafà, illum Kummissarju kien mar għand is-Servizzi tas-Sigurtà ta’ Malta, osservat il-qorti.

Għalkemm Ferris kien esprima l-inkwiet tiegħu dwar il-fatt li l-akkużat inzerta kien it-tieni kuġin tiegħu, dak iż-żmien il-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit kien saħaq li l-ispettur kellu jkompli bħala prosekutur peress li kien wieħed mill-ftit li kien jaf sew il-każ u anke għaliex kien jafdah.

Meta eventwalment il-każ irriżulta f’liberazzjoni, Ferris kien ressaq appell u kien hemm fejn spiċċa l-involviment tiegħu fil-kwistjoni. Meta xehed fil-proċeduri ta’ libell, Balzan ammetta li ma kienx jaf li Ferris kien ingħata struzzjonijiet mill-Kummissarju biex ikompli jieħu ħsieb il-prosekuzzjoni kontra l-qarib tiegħu. Lanqas ma kien konxju tat-tifħir tal-maġistrat għall-ħidma ta’ Ferris jew li Ferris stess kien appella mill-liberazzjoni kontra membru tal-familja tiegħu, osserva l-Maġistrat Axiak.

Ferris mhux biss ma abbuża mill-ebda kunflitt ta’ interess iżda qeda dmiru tajjeb u l-liberazzjoni tal-qarib tiegħu ma setgħet bl-ebda mod tiġi attribwita għal xi tort jew nuqqas min-naħa tiegħu. Balzan kien ikkritika wkoll lil Ferris li ma qabilx ma’ deċiżjoni tal-FIAU li tneħħih mill-investigazzjonijiet dwar l-eks impjegata tal-Bank Pilatus Maria Efimova, peress li qabel kien investigaha fuq allegata misapproprjazzjoni.

Dik kienet purament kwistjoni ta’ opinjoni u dak kien l-uniku kumment fil-blog tal-vidjo li ma kienx meqjus bħala malafamanti mill-qorti. Il-bqija tal-kummenti ta’ Balzan, għalkemm kienu dwar kwistjoni ta’ interess pubbliku, kienu “sostanzjalment skorretti”.

Il-Maġistrat Axiak irrimarka li l-fatt li Ferris kien impinġi bħala inkompetenti ħalla impatt serju fuq il-professjonalità tiegħu bħala eks uffiċjal pubbliku involut fi rwoli li fundamentalment kienu bbażati fuq l-effiċjenza u l-onestà. Barra minn hekk, peress li Balzan stess kien xehed f’dawk il-każi ta’ skandlu taż-żejt, kien f’pożizzjoni aħjar biex jifhem li Ferris kien qed imexxi sew id-dmir tiegħu ta’ prosekutur.

Il-Qorti ma laqgħetx l-argument ta’ Balzan li dan kien kumment ġust u kritika sempliċi fuq il-fatt li dawk il-każijiet ta’ skandlu taż-żejt baqgħu għaddejjin, u ma wasslu għall-ebda riżultat finali. Balzan mar lil hinn minn “kritika ħarxa sempliċi” u l-“innuendo” fil-kummenti tiegħu dwar it-trattament ta’ Ferris tal-każ tal-kuġin tiegħu, kien ċar u saħansitra aktar serju peress li jimplika “imġieba kriminali,” qalet il-qorti.

Allegazzjonijiet bħal dawn ma kinux ħfief, ċarament malafamanti u maħsuba biex iħammeġ ir-reputazzjoni ta’ Ferris li minn dak iż-żmien kien irtira mill-ħajja pubblika, qalet il-qorti, li tat lir-rikorrent €3,000 f’danni. L-Avukat Joseph Zammit Maempel assista lil Ferris.