Lokali Qorti

Kumpens ta’ €28,000 fuq ordni ta’ ffriżar u smiegħ xieraq fl-2009 li kisrulu d-drittijiet tiegħu

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha bħala Qorti Kostituzzjonali ordnat lill-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat biex jgħaddu kumpens ta’ €27,952 lil Sebastian Dalli, magħruf bħala Bastjan Dalli dan wara li ordni ta’ ffriżar li baqgħet fis-seħħ għal kważi 13-il sena, li imposta fuqu fuq każ ta’ traffikar ta’ droga kisret id-drittijiet fundamentali tiegħu. Dalli, jiġi ħu l-eks ministru u eks Kummissarju tal-UE John Dalli, kien ppreżenta l-proċeduri Kostituzzjonali lejn l-aħħar ta’ Mejju tas-sena l-oħra.

Dalli kien tressaq il-Qorti fi Frar tal-2009, akkużat b’konfoffa għall-importazzjoni tal-kannabis. Dalli kien ġie arrestat waqt operazzjoni tal-pulizija f’Miġra l-Ferħa waqt li kien qed jieħu kunsinna ta’ dik li kienet maħsuba kannabis – iżda li rriżulta li kien sapun.

Waqt it-tressiq tiegħu, il-Qorti tal-Maġistrati ordnat l-iffriżar tal-assi tiegħu. Kif kienet il-liġi dak iż-żmien, l-akkużat qatt ma seta’ jopponi t-talba għal ordni ta’ ffriżar u lanqas il-qorti ma kellha s-setgħa li tiċħad it-talba tal-prosekutur.

Kien biss wara ħames snin minn meta Dalli tresaq fl-2014, li l-liġi nbidlet biex tippermetti li t-talba għal ordni ta’ ffriżar tiġi kkontestata jew miċħuda mill-qorti f’każijiet bħal dawn. Dalli sostna ksur tad-dritt tiegħu ta’ pussess paċifiku ta’ proprjetà u li l-ordni ta’ ffriżar “inkontestabbli” kienet qed tikkaġuna piena ħarxa fuq persuna li kienet għadha preżunta innoċenti.

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Toni Abela wara li eżaminat l-atti tal-proċeduri kriminali sabet, li dan id-dewmien ma kienx ikkawżat minn xi għemil ta’ Dalli. Xejn ma jindika li huwa qatt ma deher, ħlief meta kien awtoriżżat isiefer jew li b’għemilu ikkontribwixxa għat-tul tal-proċeduri.

L-element ta’ żmien raġonevoli sanċit fl-artikolu 6 tal-Konvenzjoni m’għandux jimmina l-prinċipju ġenerali tal-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja. Il-Qorti, mingħajr eżitazzjoni, issib li ġie ukoll miksur id-dritt
għal smiegħ xieraq minħabba dewmien altru milli irraġjonevoli, liema drit funadamentali huwa imħares mill-artikolu 39(2) u 6(1) tal-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni rispettivament.

Il-Qorti ħasbet dwar x’tip ta’ rimedju jista’ jingħata fiċ-ċirkostanzi. Fost dawn żgur li jrid jingħata kumpens lir-rikorrent. Dan għandu jkun dak ta’ €27,952. Dan l-ammont huwa kalkolat fuq kemm huwa konċess li tibqa’ tirċievi persuna kolpita minn ordni bħal din bis-saħħa ta’ artikolu 21(1)(b) tal-Kap 101 tal-liġijiet.

il-Qorti, għar-raġunijiet imsemmija laqgħet it-talba ta’ Dalli u tiddikjara illi dan sofra leżjoni tad-dritt tiegħu tat-tgawdija paċifika tal-possedimenti tiegħu kif protett bl-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropeja u li kien hemm ksur tad-dritt fundamentali tal-bniedem tar-rikorrent inkwantu manifestament ma ngħatax smiegħ xieraq minħabba dewmien irraġjonevoli fil-proċeduri,

Laqgħet it-talba u tirrevoka l-Ordni tal-Iffriżar mertu tal-proċeduri kriminali fl-ismijiet Il-Pulizija ( Supt. J.J. Fenech ) -vs- Sebastian Dalli. Laqgħet ukoll it-talba u tillikwida bħala kumpens li għandu jingħata lir-rikorrent bl-imgħaxijiet legali mid-29 ta’ Mejju 2019 sal-pagament effettiv.

L-avukat ta’ Dalli, Arthur Azzopardi kien sostna li l-liġi l-ġdida tal-2014 għadha ma kinitx toffri l-possibbiltà li persuni fil-pożizzjoni ta’ Dalli jagħmlu talba għar-revoka ta’ ordnijiet ta’ ffriżar lill-Qorti Kriminali. Minkejja dan, u sabiex teżawrixxi r-rimedji lokali kollha qabel ma tressaq il-każ quddiem il-Qrati Ewropej, Dalli kien ressqet talba f’dan il-linja f’Diċembru 2020.

L-Avukat Ġenerali kien oppona din it-talba. F’Jannar 2021, il-Qorti Kriminali rrifjutat li tirrevoka l-ordni ta’ ffriżar, u qalet li għandha tibqa’ fis-seħħ sakemm tingħata s-sentenza finali. Madankollu, il-Qorti Kriminali stiednet ukoll lil Dalli biex iressaq kawża Kostituzzjonali dwar it-tul eċċessiv tal-proċeduri kontrih.

Dan għamel u r-referenza Kostituzzjonali. L-avukat ta’ Dalli ilmenta li l-ordni ta’ ffriżar kienet miżura drakonjana li kienet “paralizzata għal kollox” il-kummerċ personali kollu ta’ Dalli, b’mod partikolari r-relazzjoni tiegħu mal-bank tiegħu. Azzopardi sostna li l-miżura kienet sproporzjonata, peress li ma kinitx limitata għall-ammonti allegati li Dalli kien jikseb permezz tar-reat, iżda kopriet l-assi kollha tiegħu tal-passat u tal-preżent.

Qal li l-ordni ta’ ffriżar kif applikata f’dan il-każ kienet qed tikser id-dritt tiegħu għall-protezzjoni minn ċaħda ta’ proprjetà mingħajr kumpens, kif minqux kemm fil-Kostituzzjoni kif ukoll fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

L-avukat ta’ Dalli sostna li kull indħil fid-dritt għat-tgawdija ta’ proprjetà privata kellu joħloq bilanċ bejn l-interess pubbliku u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-individwu. Kien id-dmir tal-qrati domestiċi li jissodisfaw lilhom infushom li l-iffriżar tal-assi tar-rikorrent ma kienx se jikkawżalu aktar ħsara minn dik li inevitabbilment joħroġ minn tali miżuri qal l-Avukat.