Il-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Imħallef Ian Spiteri Bailey tagħat kumpens ta’ €500 lil Duncan Buttigieg, li huwa magħruf sew mal-Pulizija fejn kien ikkundannat il-ħabs b’rabta ma’ diversi każi ta’ frodi, Il-Qorti sabet li d-drittijiet fundamentali tiegħu kienu nkisru minħabbadewmien eċċessiv biex tingħata s-sentenza f’każ li beda fl-2008, u li fih kien mixli b’serq aggravat, fost akkużi oħra.
Is-sentenza ngħatat wara kważi 10 snin, fejn Buttigieg kien ġie lliberat mill-akkużi kollha. Huwa lmenta li l-Qorti kienet damet tliet snin biex tagħti s-sentenza wara li ngħalqu l-provi u dan huwa ksur tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-kunċett ta’ “justice delayed is justice denied.”
L-Avukat tal-Istat argumenta, fost oħrajn, li m’għandux ikun hemm limitu ta’ żmien li Qorti trid bilfors tosserva fil-kors tal-proċeduri quddiemha, inkella dawn jistgħu jiġu ppreġudikati minħabba “għaġla żejda.” Il-Qorti qieset li l-prosekuzzjoni kienet damet biex tagħlaq il-provi, u li f’xi waqtiet ma wettqitx mandat t’arrest biex tressaq lill-akkużat stess, li ma bediex jitla’ minn jeddu għall-proċeduri.
Ġie innotat ukoll li tul il-proċeduri l-akkużat innifsu qatt ma lmenta mid-dewmien, u li hu stess dam sena u nofs biex jiddikjara li m’għandux provi xi jressaq. Qalet li għalhekk id-dewmien fl-ewwel seba’ snin kien tort tal-prosekuzzjoni u Buttigieg innifsu.
Mill-banda l-oħra, il-Qorti qalet illi l-aħħar tliet snin ta’ dewmien “biex tingħata sentenza ta’ erba’ paġni li ma kienet xejn kumplikata” kienu “wisq u esaġerati.” Tenniet li għalkemm Buttigieg ma sofriex preġudizzju kbir, xorta kienu nkisrulu d-drittijiet tiegħu, u għalhekk kien ħaqqu kumpens.
Huwa minnu li l-Qrati m’għandhomx disponibbli riżorsi biżżejjed biex il-qrati jkunu jistgħu jwettqu dan id-dmir tagħhom, li Stat m’għandux ikun eżonerat minn responsabbiltà għal dewmien ta’ tnt snin biex jiġu konklużi proċeduri ta’ kawża ta’ komplessità mhux aktar mill-medja.
Ingħad ukoll li ma irriżultax x’kienet ir-raguni għal dan id-dewmien, lanqas mill-verbali, għajr illi l-Qorti
kienet tgħid illi għanda bżonn aktar żmien. Hu magħruf illi l-Maġistraturi hija mgħobbija b’ħafna xogħol, kultant xogħol aktar urġenti minn ieħor, xogħol li aktar ma jidhirx milli jidher.