Lokali

L-Enemed tillimita l-provvista lill-bejjiegħa kawża tas-sitwazzjoni bejn ir-Russja u l-Ukrajna

L-Enemed, il-fornitur tal-fuel f’pajjiżna, mhix tqassam biżżejjed diesel lill-bejjiegħa ewlenin tagħha għax qalet li trid tkun “prudenti u kawta” fid-dawl tal-kwistjonijiet loġistiċi fil-provvista madwar id-dinja kawża ta’ dak li qed iseħħ bejn ir-Russja u l-Ukrajna.

Wieħed mill-bejjiegħa ewlenin tal-fuel li għamel kuntatt ma’ NET News spjega kif, minkejja li oriġinarjament kienu rċievew konferma għall-ordni li għamlu fix-xhur li għaddew, fil-jiem li għaddew, l-Enemed informathom li ma tistax tagħtihom il-provvista li talbu.

Il-kumpanija spjegatilhom li, minħabba li qabżu l-kwota ta’ ordnijiet minn snin preċedenti, ma setgħetx tagħtihom il-provvista li ordnaw. Dan kien spjegat ukoll f’ċirkolari li għandu f’idejh NET News u li kkonfermat kif l-Enemed qed timponi limitazzjonijiet fit-tqassim ta’ EN 590 Diesel u E-Diesel.

L-Enemed spjegat lill-bejjiegħa li l-provvista qed tkun illimitata b’tali mod li ta’ kull xahar tirrifletti l-ammont ta’ diesel li l-bejjiegħ biegħ b’żieda ta’ 10%. Dan ifisser li l-ordnijiet fl-ewwel erba’ xhur tal-2022 ma jistgħux jaqbżu t-terz tal-provvista ordnata s-sena li għaddiet b’żieda ta’ 10%.

Il-bejjiegħa li tkellmu ma’ NET News spjegaw kif is-sitwazzjoni hi kritika tant li l-Enemed qed tinsisti li ma tmurx imqar pass lura minn dawn id-deċiżjonijiet, li qed ifissrulhom telf ta’ ħafna flus għax ma jistgħux jaqdu lil klijenti kummerċjali bħal fabbriki.

Min-naħa l-oħra, l-Enemed qed tagħtihom x’jifhmu li s-sitwazzjoni fil-pompi tal-petrol hi viċin in-normal. Madankollu, NET News jinsab infurmat li għadd ta’ pompi tal-petrol qed inaqqsu s-sigħat tal-ftuħ tagħhom biex jieħdu ħsieb il-provvista li jkollhom.