Elezzjoni 2022 Għawdex Lokali Proposti 2022

“Lill-Għawdxin se nagħtuhom kull opportunità biex ikomplu jimirħu” – Bernard Grech

“Rajtu l-mixja tagħna f’dawn l-aħħar ħames ġimgħat. Urejnikom kif il-Partit Nazzjonalista inbidel. F’dis-sena u nofs li ilni Kap tal-Partit Nazzjonalista smajnikom… iltqajna miegħek. Lin-negozji qed inwegħdukom Fair Playing Field. Li l-Gvern ma jikkompetix magħkom u jeħdilkom il-ħaddiema. Lilek… ħaddiem qed intuk kull opportunitá li tkompli timraħ. Lilkom ġenituri qed inkomplu ngħinukom fit-tkabbir tal-familja tagħkom. Lilkom anzjani qed inwegħdukom titjib fil-kwalitá tal-ħajja Liż-żgħażagħ se nkunu qed noħolqulhom opportunitajiet biex Malta u Għawdex  jibqgħu d-dar naturali tagħkom. Aħna nemmnu fikom. Magħna se taħdem. Aħna magħqudin għal Malta u Għawdex. Aħna hawn għalik. Aħna miegħek… Aħna miegħek għal Malta.”

Dan kien il-qofol tad-diskors tal-Kap tal-PN Bernard Grech meta kien qed jindirizza l-folla numerua li nġabret għall-mass rally li sar fir-Rabat, Għawdex.

Bernard Grech qal li matul il-kampanja komplejna naraw kemm għal Robert Abela l-ewwel jiġi hu. Anke quddiem gwerra fl-Ukrajna, qalilna li mhux se niġu affetwati… Ftit wara sirna nafu li se taffetwana b’tal-inqas 200 miljun ewro fl-ewwel ġimgħa. L-ewwel hu, imbagħad intom, imbagħad Malta.  Fl-aħħar ġranet sirna nafu li Robert Abela għamel kuntratt għal villa ODZ ħamest ijiem wara li ħareġ il-permess li qatt ma messu ngħata. Villa li ddikjara li xtara 600,000 ewro li bil-permess li nħarġilha ġiet tiswa mill-inqas 2 miljun ewro.

“Robert Abela għaddew il-ġranet minn meta sfidajtek biex tippublika r-rapport li ġie ppreżentat lill-kummissarju tat-taxxi dwar il-valur ta’ din il-propjetá.  Ma tridx tippublikah għax tistħi jew għax ma sarx?

Jekk ma sarx rapport ikollna konferma oħra ta’ abbuż ta’ poter għax evalwazzjoni bħal dik f’ċirkostanzi normali tiskatta abbażi tal-valur ta’ propjetajiet oħrajn fl-inħawi u l-valur dikjarat żgur li kellu joħloq suspett.

Il-Kap tal-PN qal li apparti t-28,000 ewro li kien jieħu fix-xahar s’issa nafu li gwadanja mal-miljun u nofs ewro f’żewġ deals, wieħed minnhom jikkonċerna allegat kriminal. Robert Abela l-ewwel hu.  U għalhekk mhux ta’ b’xejn ma riedx iwaqqaf il-bejgħ taċ-ċittadinanza lill-Oligarki Russi u mnalla kienet l-Unjoni Ewropea. Issa sirna nafu kif il-famuża villa f’Wied il-Għajn intużat ukoll biex offrieha lill-persuni Russi li riedu jixtru iċ-ċittadinanza.

Bernard Grech qal li Robert Abela huwa serial tax evader… Meta sirna nafu li l-eluf li daħħal Robert Abela mill-kirjiet fuq il-propjeta fiż-Żejtun ma kienu ddikjarati fid-dikjarazzjonijiet tal-assi tiegħu jew fid-dikjarazzjonijiet tat-taxxi. Għalhekk irid iktar poter Robert Abela?

Bernard Grech qal li d-differenza bejn il-programm elettorali tal-PN u dak tal-PL għal Għawdex hija ċara – programm tal-PL riċiklat…..proġetti li ilhom mwegħda u li qatt ma saru f’ 9 snin….jerġgħu jippruvaw jidħku bl-Għawdxin iżda mhux ser jirnexxielhom – programm tal-PN proposti li għandu bżonn Għawdex li ġejjin minnkom – saru wara konsultazzjoni ma ħafna Għawdxin u bl-għajnuna tal-esperti.

Il-Partit Laburista qed jerġa’ jwiegħed dar tal-Anzjani, qed jerġa jwiegħed Qorti gdid – 3 Ministri waqqfu u biddlu dak li kienu għamlu ta’ qabilhom u sallum ma sar xejn.  Qed jerġgħu jwegħdu dak li ġa wegħdu. 

Il-PN għandu viżjoni ċara għal Għawdex..Għawdex gżira Regjun – mhux bil-paroli iżda bil-fatti u l-kunċett jigi mdaħħal fil-Kostituzzjoni u nwaqqfu Kunsill Regjonali – elett mill-Għawdxin – bil-poteri eżekuttivi kollha li jista’ jkollu – u l-aktar importanti jingħata l-finanzi kollha meħtieġa biex jattwa proġetti u inizjattivi ta’ fejda f’Għawdex – aħna ma nibżgħux nitilqu l-poter minn idejna.  Aħna nemmnu u nipprattikaw il-prinċipju tas-sussidjarjetá.

Il-Kap tal -PN qal li s-saħħa f’Għawdex tkun priorita assoluta hekk kif Partit Nazzjonaista fil-Gvern jerġa’ jagħti lura l-uniku sptar li hawn Għawdex lill-Għawdxin. Apparti dan se nibnu sptar ġdid ta’ 400 sodda. Dan hekk kif il-Gvern għadu qed jiddefendi l-ftehim li għandu ma’ Steward u għadu jgħaddilhom l-allokazzjoni finanzjarja.

Gvern ġdid Nazzjonalsita se jagħmel Helipad fl-Isptar ta’ Għawdex u ieħor f’ Mater Dei. Għall-anzjani se jkun hemm kunċett ta’ djar żghar f’ kull lokalità. Iridu li l-anzjani jibqgħu jgħixu fl-istess lokalità. Għalhekk qed iwiegħed li fl-ewwel 5 snin jiftaħ 5 djar tal-anzajni żgħar f’ 5 lokalitajiet f’Għawdex. 

Bernard Grech qal li lill-persuni b’diżabbiltà rridu nagħtuhom l-aħjar għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista jrid jgħin lill-NGO’s bħall-Arka biex jiftħu djar fil-komunitajiet tagħna biex persuni b’diżabbiltà jibqgħu jgħixu wkoll fil-lokal tagħhom.  

L-aċċessibilita’ bejn iż-żewġ gżejjer hija importanti ħafna – Gvern ġdid Nazzjonalista se jżid żewġ vapuri ġodda mat-tlieta li kien għamel fil-passat biex b’hekk jkun hemm 4 vapuri fuq ir-rottra Mgarr – Ċirkewwa u nżidu rotta għall-merkanzija bejn l-Imġarr u l-Port l-Kbir bi skeda ta’ numru ta’ vjaġġi kuljum. Apparti dan, se naraw li jitkabbar il-Port tal-Imġarr u jiżdiedu l-faċilitajiet. 

Bernard Grech qal li l-edukazzjoni minn dejjem kienet prijorita għall-PN.. għalhekk l-edukazzjoni f’Għawdex se tkun pilastru ieħor għall-ekonomija Għawdxija. 

  • Ċentru ġdid tal-MCAST f’Għawdex – joffri ħafna aktar korsijiet u jibda korsijiet li jħarrgu żgħażagħ għall-10 oqsma ġodda li ser ninvestu biljun ewro fihom.
  • F’Għajnsielem nerġgħu nagħtu spinta kbira liċ-ċentru tal-Life Long Learning b’ħafna korsijiet ta’ arti u oħrajn.
  • Kampus ġdid tal-Universit\ f’Għawdex fejn nwaqqfu Fakult\ ġdida dik Agro Veterinarja – li tfisser li natiraw studenti mhux biss Għawdxin iżda Maltin u barranin biex jistudjaw f’din il-Fakultá li l-kampus tagħha jkun f’ Għawdex.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern irid joħloq xogħol ta’ kwalitá f’Għawdex b’ pagi tajbin biex iż-żgħazagh Għawdxin jaħdmu f’Għawdex stess u nwaqqfu l-emoroġija tal-aħjar talent Għawdxi. Se naraw li s-setturi ekonomiċi ġodda li se noħolqu jikkreaw opportunitajiet ta’ xogħol f’Għawdex stess.  Għax għalina Għawdex jpoġġi mal-istess mejda daqs Malta.

  • Nagħtu inċentivi b’ saħħithom speċalment fl-oqsma li ser nikkrejaw biex joperaw minn Għawdex – dawn oqsma li ma jħallu l-ebda impatt fuq l-ambjent tal-Gżira Għawdxija. – inċentivi lill-privat f’ Għawdex across the board biex jagħti l-aqwa pagi f’Għawdex li jkunu daqs jew aħjar minn dawk f’ Malta.
  • Lill-ħaddiema li qegħdin mal-kuntrattur u jagħtu servizzi lill-Gvern mhux ser nidħku bihom kif għamel Gvern tal-Labour
  • Irridu nagħtukom paga aħjar, serħan tal-moħħ, ma nkomplux nidħku bikom, u naraw li tkunu qed tgħinu fl-iżvilupp ta’ Għawdex bil-ġurnata tax-xogħol tagħkom.

Il-PN ħaseb ukoll f’dawk l-Għawdxin li jaħdmu Malta – it-teachers, LSE’s, pulizija, suldati, nurses, carers u ħafna oħrajn… fejn dawn se jibdew jitħallsu bl-istess rata tax-xogħol tagħhom minn x’ħin jirkbu l-vapur sa x’ħin jinżlu mill-vapur. Hekk il-ħin tal-ivjaġġar jiġi meqjus bħala ħin tax-xogħol għal Għawdxin li jaħdmu f’ Malta u jibdew jitħallsu tiegħu.

Bernard Grech fakkar kif Gvern Laburista ħaseb li jekk joħrog kull permess immaġinabbli f’Għawdex ser joħloq il-ġid, ra sal-ponta ta’ imnieħru. L-iżvillupp huwa importanti u jrid ikompli għaddej pero hemm bżonn żvillupp bis-sens u sostenibbli speċjalment f’Għawdex

Gvern ġdid Nazzjonalista se jimplimenta l-proposti li saru mis-Sindki kollha Għawdxin – se jpoġġi mal-Kunsilliera kollha f’Għawdex, mal-imsieħba soċjali fosthom Gozo Business Chamber u Gozo Tourisim Association u jittieħdu d-decizjonijier li hemm bzonn beix insalvaw dak li ghadu jista jigi salvat.

Il-PN irid li l-art ma tibqax art privata iżda tiġi akkwistata mill-Gvern u hemm jsir park nazzjonali biex jitgawda minn kulħadd.  Illum hija art privata u fi stat ħażin.