“Pajjiżna jixraqlu tmexxija aħjar, pajjiżna jixraqlu Gvern Nazzjonalista,” hekk stqarret l-avukat Maria Victoria Theuma fid-diskors tagħha fir-Rabata Għawdex.
Maria Victoria Theuma qalet li ta’ kuljum qed tistaqsi, fejn tixtieq tara lill-pajjiżna fis-snin li ġejjin u qalet li ma tridx tara pajjiż fejn il-barranin iħarsu lejh bl-ikrah, minħabba l-atti ta’ korruzjoni li saru fl-aħħar disa’ snin taħt tmexxija Laburista. Theuma qalet kif il-Gvern Laburista kellu numru ta’ karatteristiċi, iżda l-aktar li tispikka hija dik tal-medjokrita, Gvern Laburista li rnexxielu jdaħħa lil pajjiżna fil-grey listing.
“Kien Eddie Fenech Adami li ħadem għall-viżjoni fit-tul għal pajjiżna, viżjoni li għadna ngawdu minnha sal-lum” kompliet tgħid Maria Victoria Theuma. Hi qalet fejn filwaqt li kienu jgħidulna li ħadd ma kien se jagħti kas ta’ Malta, dan ma sarx u qed isir biss minħabba r-reputazzjoni ħażina li l-Partit Laburista fil-Gvern ta lil pajjiżna.
Theuma tkellmet ukoll dwar il-qasam tas-saħħa, wara li Gvern Laburista wiegħed sptar ġdid f’Għawdex, iżda minflok iprivatizza tliet sptarijiet fosthom dak ta’ Għawdex u fihom ma sar xejn, ħlief li servew bħala magna ta’ korruzjoni. Maria Victoria Theuma saħqet kif il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi l-bini ta’ sptar ġdida ta’ 400 sodda f’Għawdex. Hi kompliet ssemi l-viżjoni li l-PN għandu fil-qasam tal-edukazzjoni, hekk kif fost l-oħrajn qed jipproponi bini ġdid tal-MCAST kif ukoll inċentivi għal dawk li jivjaġġaw ta’ kuljum bejn Malta u Għawdex.
Maria Victoria Theuma, temmet tgħid li pajjiżna ma jistgħax jibqa’ jitmexxa b’mod dilettantesk u mill-kriminali u għalhekk huwa biss il-Partit Nazzjonalista li jista’ jagħti futur aħjar lill-pajjiżna.
//= $special ?>