Lokali Qorti

Probation wara li bl-atteġġament tiegħu beżża lil missieru

Raġel ta’ 53 sena li ammetta li bl-atteġġjament tiegħu kkaġuna biża’ fil-konfront ta’ missieru ta’ 81 sena. Ir-raġel li ismu mhux qed jissemma’ biex tiġi protetta l-identità tal-anzjan ammetta wkoll quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li għamillu ħsara fil-karozza.

L-inċident seħħ fil-lejl ta’ bejn l-14 u l-15 ta’ Ottubru li għadda f’residenza fl-Imsida.  Id-difiża talbet lill-qorti biex qabel tingħata s-sentenza jsir rapport dwar il-kundizzjoni tar-raġel. Il-Maġistrat Doreen Clarke rat ir-rapport u rrimarkat li jidher li l-aġir tar-raġel ġej minn esperjenzi u trawmi tal-passat u dan f’kuntest familjari.

Minn dak li ħareġ fil-Qorti rriżulta li l-familja ilha snin tesperjenza problemi u dan mhux biss bejn ir-raġel u missieru imma wkoll bejn il-genituri tal-imputat. Il-Qorti mhux biss poġġietu taħt ordni ta’ probation għal sentejn, iżda ħarġet ordni ta’ trażżin u ordni ta’ trattament għall-istess perjodu biex ma jdejjaqx lil missieru u jieħu l-kura li għandu bżonn.

Il-Qorti spjegat lill-imputat fi kliem ordinarju xi tfisser din is-sentenza u x’jigri jekk jikkommetti reat iehor fiz-zmien prefiss, u jekk ma joqghodx ghall-htigijiet ta’l-Ordni ta’ Probation, ta’l-Ordni ta’ Trazzin u ta’ l-Ordni ta’ Trattament.Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar.