Lokali

Produzzjoni teatrali għal ‘Nifs’ ġdid f’ħajja mimlija inċertezzi

Fil-ġimgħa tad-Duluri, l-għaqda teatrali Dwal Ġodda se tagħti ħames rappreżentazzjonijiet tal-produzzjoni tagħha għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa, li dis-sena ngħatat l-isem ta’ ‘NIFS’. L-għan hu li f’ambjent familjari u meditattiv, l-udjenzi jkunu xprunati jiflu jekk l-inċertezzi ta’ żminijietna humiex għalf għall-ispirtu ħalli l-bniedem jissokta jagħraf min fejn ġej, fejn qiegħed, jew lejn fejn jista’ jmattar riġlejh.

Il-membri tal-Għaqda Teatrali Dwal Ġodda riedu jqisu bħala fejjieda l-inċertezza ta’ dawn l-aħħar sentejn. It-tħejjijiet għall-produzzjoni NIFS ilhom għaddejjin minn wara l-Milied fejn l-Għaqda daħlet f’diskussjonijiet, tifsil ta’ text u palk, u rehearsal bi tħejjija.

Il-produzzjoni NIFS tgħarbel jekk fl-2022, għandux jitqies banali s-suġġeriment li kollox kien fil-pjan ta’ Alla l-Imbierek jew jekk ix-xitan jeżistix – jew liem’forma jieħu. Wiċċ imb’wiċċ max-xitan, Ġesù joħroġ bil-paradoss tal-attwalità tal-beatitudnijiet. Id-Dwal Ġodda jixtiequ li l-ambjent ta’ għożża fi ħdan familja li jinħoloq, jgħin biex jissaħħaħ in-NIFS għal meta l-inċertezzi tas-slaleb tal-ħajja jkunu qed juru snienhom. Il-produzzjoni NIFS għandha tkun daħla xierqa għall-Ġimgħa Mqaddsa b’tama li l-Għid il-kbir ma jkunx jum wieħed biss fis-sena.

Ir-rappreżentazzjonijiet tal-produzzjoni NIFS se jkunu fl-iSpazju Teatrali biswit iċ-ċentru parrokkjali, mifruxa fuq ħamest ijiem bejn is-6 u d-9 t’April fis-7.30pm u fl-10 t’April fit-3pm. Nhar Ħadd il-Palm, wara r-rappreżentazzjoni, dak li jkun jista’ jgawdi li jieħu sehem fil-purċissjoni tradizzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li mill-1975 f’Ħal Għargħur isseħħ Ħadd qabel.