Fl-unika intervista li kellu minn ġurnalist mill-media indipendenti, fuq ix-Xandir Nazzjonali, mal-ewwel okkażjoni li kellu – Robert Abela rema għal kollox lil predeċessur tiegħu. Dan hek kif mal-ewwel 4 minuti tal-intervista, Abela ddeskriva żmien Joseph Muscat bħala diżappunt għal bosta, filwaqt li insista li mill-2020 il-Partit Laburista beda paġna ġdida.
Filwaqt li beda jħambaq fuq paġna ġdida, iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin għadhom joħorġu l-miljuni ta’ ewro minn buthom għal servizz li mhux jaraw, filwaqt li tal-qalba jibqgħu jiffangaw b’kuntratti ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro.
Mistoqsi dwar ix-Xandir tal-Istat, Abela saħaq li ma huwa veru xejn li ħataf lil PBS, minkejja li fost lista twila ta’ episodji, sal-Ħadd stess it-trażmissjoni tal-Mass Rally Laburista kienet qed issir taħt id-direzzjoni ta’ Mark Vassallo, Segretarju tal-Bord tal-PBS.
Mistoqsi dwar il-bejgħ tal-passaporti lir-Russi fl-isfond tal-kriżi fil-Lvant tal-Ewropa, Abela nsista li hu kien ħa azzjoni għax kien “ħa deċiżjoni dwar il-pasaporti minn persuni mill-Belarus u mir-Russja”.
F’din l-intervista, Robert Abela għal darb’oħra ħarab milli jwieġeb b’mod ċar u tond dwar il-Villa fiż-Żejtun, u ironikament qal li hu jwieġeb għad-domandni kollha li tagħmillu l-media.
Tul l-intervista hu rema mhux darba lil Joseph Muscat filwaqt li nsista fuq ‘it-track record tal-aħħar sentejn’.
Dan kollu wara 9 snin sħaħ ta’ skandli, 9 snin ta’ riżenji, 9 snin li matulhom xegħlet l-impunità minn ġewwa l-kurituri ta’ Kastilja.
//= $special ?>