Residenti ta’ Birżebbuġa ħadu sehem f’attività fil-pjazza tal-knisja favur il-ħarsien ta’ Wied Żnuber u l-madwar tiegħu
hekk kif minkejja li Robert Abela qal li mhuwiex se jsir żvilupp f’dan il-wied, u li partijiet ta’ madwaru jistgħu jsiru ODZ, il-pjanijiet marbuta mal-mitjar ma ġewx irtirati.
Il-pjan għal dan il-mitjar maġenb il-wied u l-irdum tħabbar ix-xahar li għadda waqt l-iffirmar ta’ ftehim bejn l-aġenzija tal-Gvern INDIS u assoċjazzjoni tal-mudelli tal-ajruplani. Ir-residenti, il-Kunsill Lokali u gruppi interessati oħra ma ġewx ikkonsultati dwar dawn il-pjanijiet li d-dettalji tagħhom għadhom qegħdin jinżammu moħbija sal-lum il-ġurnata.
Il-pjanti li raw il-bdiewa tal-post jindikaw li l-proġett ser ikun enormi u ser jieħu madwar 44 tomna ta’ xagħri u għelieqi, l-ekwivalenti ta’ seba’ grounds tal-football.
L-attività f’Birżebbuġa enfasizzat l-importanza ekoloġika u soċjali kbira tas-sit li preżentament iservi ta’ buffer zone bejn iż-żona industrijali u l-wied u l-irdum. Fih hemm ukoll bijodiversità rikka, inkluż flora u fawna protetti, kif ukoll fdalijiet storiċi importanti bħal dolmen, kanali tal-ilma antiki u xelter militari. Barra minn dan, l-attività tat-titjir tal-mudelli tal-ajruplani ser iżżid drastikament it-tniġġis tad-dawl u tal-istorbju minn ħsejjes qawwija u kontinwi ta’ mudelli ta’ ajruplani mdaqqsa u teqred is-serenità tal-wied u tal-irdum, għad-detriment tal-bijodiversità, tar-residenti u tal-viżitaturi.
Il-parteċipanti saħqu li l-pjanijiet għall-mitjar fiż-żona ta’ Wied Żnuber għandhom jiġu rtirati minnufih. Is-sit inkwistjoni, li kien ġie inkluż bħala parti miż-żona industrijali, għandu jsir ODZ ħalli jkun jista’ jkompli jitgawda mill-pubbliku, jintuża mill-bdiewa u jservi ta’ buffer zone għas-sit tan-Natura 2000.
//= $special ?>