Ekonomija Elezzjoni 2022 Lokali

Silvio Schembri jagħti promotion lil martu – żieda ta’ €14,000 għal salarju ta’ €50,000 fis-sena

Rapporti fil-media jgħidu li mart il-Ministru Laburista qajla titfaċċa fuq il-post tax-xogħol għaliex "taħdem online ħabba l-pandemija"

Il-kandidat Laburista, Silvio Schembri, ta żieda ta’ €14,000 fis-sena lil martu, Deandra, biex minn skrivana mal-Malta Business Registry, issa qed iddawwar €50,000 fis-sena bħala senior legal officer wara promotion li ngħatat.

Is-sit tal-aħbarijiet, ‘The Shift News’, żvela din l-aħbar it-Tlieta waranofsinhar hekk kif l-MBR taqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Ekonomija biex hekk, Deandra Schembri ddawwar mal-€4,000 fix-xahar.

Sorsi ta’ dan is-sit tal-aħbarijiet qalu li minkejja l-kariga għolja li għandha, mart il-Ministru Laburista qajla titfaċċa fuq il-post tax-xogħol hekk kif intalbet “taħdem online minħabba l-pandemija” u hija waħda mill-ftit membri għolja tat-tmexxija li għandna kundizzjonijiet tax-xogħol daqshekk flessibli.

Fost il-€50,000 fis-sena li ddawwar Deandra Schembri, €6,500 minnhom huma performance bonus u għandha żieda annwali fil-paga ta’ €43,000 ta’ 5% .

Il-Gvern ilu joħroġ il-paga ta’ Deandra Schembri sa mill-2014 meta ddaħħlet mal-MFSA bħala skrivana b’paga ta’ €29,000 fis-sena u malli nħolqot l-MBR, hija ġiet trasferita għal din l-entità tal-Gvern f’Diċembru 2018.

Tliet xhur wara, ġiet vakata l-kariga ta’ senior legal officer u mart il-Ministru Silvio Schembri ngħatat l-irwol il-ġdid fit-tmexxija tal-Malta Business Registry wara li kellha interview li tmexxiet minn ħaddiema tal-entità li taqa’ taħt id-dekasteru ta’ Silvio Schembri, interview li ġiet deskritta bħala “suċċess”.