Abela jħambaq kontra l-passat – b’Karmenu Vella ma’ ġenb Lydia Abela
Sal-aħħar tal-kampanja elettorali, Robert Abela, dak li sal-ġimgħa d-dieħla qed jaspira sabiex jerġa’ jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala Prim Ministru ta’ Malta – għadu qed jibża’ mid-domandi tal-media indipendenti.
F’pajjiż hekk imsejjaħ demokratika hija prassi normalissima li l-Prim Ministru joqgħod għall-iskrutinju tal-media indipendenti – sakemm ma jkollux xi ħaġa x’jaħbi.
Matul il-kampanja elettorali, Robert Abela irrifjuta tlett stediniet li sarulu…mill-ġurnal Times of Malta biss. Dan għaliex il-Mexxej tal-Labour jidher li jew ma jafdawhx jirrispondi lil ġurnalisti domandi li ma jkunux preparati, jew jibża’ li ma jkunx jista’ jaħrab mill-mistoqsija.
Tant hu hekk li matul il-kampanja elettorali, Abela lagħab biss home – jindirizza r-rallies u intervisti messa in scena taħt it-tined tal-Labour.
Proprju bħal fil-każ tal-lum b’żewġ rallies fix-Xewkija, Għawdex u fiż-Żurrieq.
Fiż-Żurrieq kompla bl-istess narrattiva li ilu għaddej biha ad nauseam fejn saħaq li nhar is-Sibt il-poplu jrid jagħżel bejn il-passat u l-futur…ironikament wara 5 ġimgħat mdawwar b’politiċi varji li ilhom minn żmien it-tmexxija ta’ Alfred Sant…jew saħansitra ta’ Dom Mintoff jew Karmenu Mifsud Bonnici..bħal fil-każ ta’ Karmenu Vella li sal-lejla kien bilqiegħda ma’ ġenb Lydia Abela.

Dan filwaqt li bħas-soltu insista li huwa l-aħjar mexxej biex imexxi fi gwerra, u għal darb’oħra ried il-prosit għas-sentejn tmexxija fil-pandemija – wara li kemm-il darba spiċċa f’battibeki qawwija mal-esperti mediċi meta kien imur kemm-il darba kontra l-pariri tagħhom.
Abela faħħar it-tim li għandu hu fejn insista li huwa tim, “tried and tested.”
Dan huwa l-istess tim li kien mifni b’riżenja wara l-oħra matul din il-leġiżlatura, riżenji li waslu kemm minħabba mewġ ta’ skandli li l-poplu f’mumenti lanqas beda jlaħħaq magħhom, jew b’inkompetenza b’4 Ministri tal-Edukazzjoni u 3 Ministri tat-Turiżmu f’leġiżlatura waħda.
Dan kollu fost statements studjati, statements li Abela ilu jgħid għal dawn l-aħħar ġimgħat, statements scripted għaliex Robert Abela jħossu komdu biss f’bubble u jibqa’ jibża’ mid-domandi tal-ġurnalisti… għad-differenza tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.
Għaldaqstant għal darb’oħra pajjiżna jinsab f’riskju li għal 5 snin li ġejjin ikollu Prim Ministru li jibża’ mill-pinna tal-ġurnalist, mifni b’misteri u domandi mhux imwieġba.
