LOVIN MALTA: “Is-sigħat żejda tħallas għalihom separatament”
Apparti s-€17,000 fix-xahar li kien jitħallas minn kuntratt wieħed, Robert Abela talab lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tħallsu €80,000 oħrajn.
Dawn it-€80,000 huma ta’ sigħat żejda li ħadem għall-Awtorità tal-Ippjanar, b’kollox mal-1,400 siegħa żejda f’Mejju, Novembru u Diċembru tal-2014, f’Lulju u Settembru tal-2015, Lulju tal-2016 u Jannar 2017. Sigħat żejda li ma’ Net News ma kienx iddejjaq isemmi li għamel għax kien jaħdem fil-weekends…
Iżda kien iddejjaq jgħidilna, li s-sigħat żejda …tħallas għalihom separatament.
Dan kollu ġie żvelat mis-sit online LovinMalta li spjegaw li s’issa Abela baqa’ kemmxejn misterjuż fuq id-direct order li kellu mal-Awtorità tal-Ippjanar. Is-suspetti ilhom fuq Abela sa mill-2014, meta d-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina kien staqsa dwar Abela, b’Joseph Muscat kien saħaq li l-kumpanija legali t’Abela kienet ingħatat kuntratt għal 3 snin mal-Awtorita tal-Ippjanar…fuq bażi ta’ €3,000 fix-xahar u €55 għal kull siegħa żejda xogħol.
Dan apparti x-xogħol professjonali tiegħu li jinkludi wkoll diversi kuntratti oħra mal-gvern.
Bejn l-2013 u l-2019 Abela Advocates irċevew mal-€1.2 milun mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar, bil-ġurnal Times of Malta jirrapporta żieda fil-qligħ minn €7,300 fl-2013 għal aktar minn €17,000 fl-2019.
Dan kollu ma jinkludix il-konsultazzjonijiet legali li kellhom mal-ARMS, AirMalta u l-Ministeru għall-Ambjent…matul l-istess perjodu.
Mijiet ta’ eluf li jlaħqu l-miljuni ta’ ewro kollha f’but Robert u Lydia Abela matul it-tmexxija Laburista. Direct Orders li għal tal-qalba – Gvern hekk imsejjaħ soċjalista li sa mill-bidu tat-tmexxija tiegħu ta biss il-ħafna lil ftit, u ftit lil ħafna.
Għalik €100 ċekk – għalihom il-miljuni.
