Hekk kif qed joqrob dejjem aktar jum il-votazzjoni, dawk li għadhom sa issa ma ġabrux id-dokument tal-vot tagħhom fadlilhom biss sal-Ħamis f’nofsillejl biex jagħmlu dan.
Votant eliġibbli jista’ jivvota BISS bid-dokument tal-vot uffiċjali maħruġ mill-Kummissjoni Elettorali.
Dan jinġabar PERSONALMENT mill-Uffiċċju Elettorali, fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti, in-Naxxar, jew, għall-votanti reġistrati f’Għawdex, mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identita’, 28A Pjazza San Franġisk, ir-Rabat Għawdex.
Il-ġbir tal-voti jista jsir biss l-Erbgħa 23 ta’ Marzu bejn it-3.00pm u d-9.00pm u l-Ħamis 24 ta’ Marzu bejn it-8.00am u s-1.00pm u mbagħad bejn it-3.00 pm u nofsillejl.
Min ma jiġborx id-dokument tal-vot tiegħu sal-Ħamis f’nofsillejl ma jkunx jista’ jivvota nhar is-Sibt li ġej.
Sat-Tlieta fid-9.00pm kien għad fadal 18,288 dokument tal-vot mhux miġbur.
Intant il-Ħamis f’nofsilljel jiġi fi tmiemu uffiċjalment il-perjodu allokat għall-kampanja elettorali tal-elezzjoni tas-Sibt, bl-24 siegħa bejn nofsillejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa u nofsillejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt meqjusa bħala jum is-silenzju – jum ta’ riflessjoni li tulu mhux permess li jsiru attivitajiet jew messaġġi li jistgħu jinfluenzaw il-mod kif wieħed ikun se jivvota.
//= $special ?>