Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Għexieren ta’ attakki fuq l-isptarijiet u l-faċilitajiet mediċi tal-Ukreni

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ivverifikat ‘il fuq minn 70 attakk separat fuq il-faċilitajiet għall-kura tas-saħħa – inklużi sptarijiet – fl-Ukrajna mindu l-qawwiet Russi ta’ Vladimir Putin invadew dan il-pajjiż fl-24 ta’ Frar.

Il-WHO qalet ukoll li fl-attakki tar-Russi nqatlu u ndarbu kwantità kbira ta’ nies – fosthom tobba, infermiera u paramediċi – mingħajr ma pprovdiet l-istatistika speċifika.

Sadanittant, uffiċjali tal-WHO fil-Polonja qalu li, skont l-aħħar evalwazzjonijiet, madwar nofs-miljun refuġjat li qasmu lejn dan il-pajjiż mill-Ukrajna qegħdin ibatu minn trawma talli kellhom jirrelokaw taħt il-kundizzjonijiet ħorox tal-gwerra.

Dawn ir-refuġjati anki qed ibatu minn varjetà ta’ problemi mentali wara l-orrur li huma għaddew minnu fl-aħħar ġranet.

Minbarra dan, il-ħaddiema tas-saħħa li qed jilqgħu lir-refuġjati fil-fruntiera tal-Ukrajna mal-Polonja rappurtaw li kważi l-ommijiet u t-tfal Ukreni kollha  qed jaslu f’dik iz-zona eżawriti u jbatu minn dehydration.

Dan waqt li ħafna Ukreni anzjani waslu f’dawn l-inħawi wara li vvjaġġaw għal jiem mingħajr il-mediċini għall-kundizzjonijiet tas-saħħa speċifiċi fosthom id-dijabete u pressjoni tad-demm għolja.

L-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati (UNHCR) issa rappurtat li madwar għaxar miljuni ħarbu mill-Ukrajna mill-bidu tal-gwerra – bil-kelliema jsostnu li ċ-ċifra kapaċi tiżdied b’mod sinifikanti aktar ma jdum il-konflitt.