Irrankat it-tensjoni fl-Ewropa tal-Lvant, wara li r-Russja naqset milli tiddikjara li mgħandhiex tuża l-armi nukleari waqt il-gwerra tal-Kremlin fuq l-Ukrajna.
F’intervista mas-CNN, Dmitry Peskov, il-Kelliem Ewlieni għall-President Russu Vladimir Putin, tenna li l-armi nukleari jintużaw biss f’każ li r-Russja tiffaċċja dik li hu irrefera għaliha bħala “theddida eżistenzjali”.
Il-Pentagon ta’ Washington fisser ir-rimarki bħala ‘perikolużi’ iżda sostna li l-Istati Uniti mhix tarax il-ħtieġa li tbiddel il-pożizzjoni ta’ deterrent attwali.
Min-naħa tiegħu, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky – waqt indirizz bil-videolink lill-Parlament tal-Ġappun – wissa dwar il-perikli li qed jiffaċċja l-poplu Ukren, wara l-attakki tar-Russi fuq l-impjanti nukleari tal-Ukrajna.
Hu, mill-ġdid, enfasizza t-tħassib dwar l-impjant nukleari ta’ Chernobyl wara li s-suldati Russi, jiem ilu, daħlu fiz-zona ta’ esklużjoni madwar il-faċilità waqt li ċċirkondaw il-perimetru. U waqt li r-Russja qalet li ‘qed tikkontrolla s-sit flimkien mal-Gwardja Nazzjonali tal-Ukrajna’, il-kelliema fi Kiev sostnew li l-impjant ikwistjoni hu ‘kollu kemm hu taħt il-kontroll tar-Russi’.
Id-diskors ta’ Zelensky deher li impressjona ħafna lid-deputati Ġappuniżi meta pajjiżhom għadu jġorr l-effetti psikoloġiċi tad-diżastru nukleari ta’ Fukushima, fl-2011.
//= $special ?>