Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-media Russa tpitter il-militar tal-Kremlin bħala ‘eroj li qed jiġġieldu kontra n-Nażisti’

Il-Kremlin ta’ Moska għadu jirrifjuta li jirreferi għall-attakki fuq l-Ukreni bħala ‘offensiva’  — bl-entitajiet tal-media Russi jkomplu jaħdmu taħt id-direttivi stretti biex ma jużawx il-kelma ‘invażjoni’ fir-rappurtaġġi.

Iżda, fl-aħħar sigħat, il-gazzetti Russi tkellmu dwar ‘battalji viċin ta’ Kiev’ fost referenzi għaz-‘zoni tal-ġlied (fl-Ukrajna).’ Dan fost il-pubblikazzjoni ta’ tankijiet tal-gwerra u suldati Russi li Moska qed isejħilhom ‘eroj’.

Il-media favur il-Gvern fir-Russja trid li l-poplu Russu jassumi l-idea li t-truppi ta’ Moska fl-Ukrajna qegħdin jagħmlu l-istess bħal meta l-Armata l-Ħamra (Sovjetika), fit-Tieni Gwerra, ikkumbattiet kontra l-qawwiet Nażisti li nvadewlhom arthom fil-bidu tas-snin erbgħin.

Dan waqt li l-ogħla uffiċjali tal-Kremlin qed jinsistu bil-ħtieġa li ‘jeqirdu l-għeruq Nażisti fl-Ukrajna’ huma u joħolqu ‘xenarju falz u qarrieqi’ għall-poplu Russu.

Madankollu, Dmitry Muratov, li hu editur ewlieni mal-gazzetta indipendenti, Novaya Gazeta, iddeċieda biex ibiegħ il-midalja tan-Nobel għall-Paċi li ngħata biex jiġġenera l-flus għar-refuġjati Ukreni.