Hemm diversi sinjali li l-qawwiet tal-Ukrajna qegħdin jiġġieldu lura b’mod effettiv kontra t-truppi tar-Russja li invadewlhom pajjiżhom. U filwaqt li s-sitwazzjoni għadha fluwida, il-Pentagon tal-Istati Uniti qal li taqsimiet tal-Armata Ukrena qed imexxu ‘b’suċċess’ numru ta’ kontrattakki f’diversi bnadi tal-Ukrajna.
Sadanittant, il-Ministeru tad-Difiża Ukren qal li l-qawwiet tal-Ukrajna ħadu lura l-kontroll ta’ Makariv – xi 40 mil fil-Punent ta’ Kiev – wara li keċċew lit-truppi tal-Kremlin miz-zona. Fil-fatt, l-awtoritajiet lokali qalu li l-bnadar tal-Ukrajna ‘kienu qegħdin iperpru mill-ġdid’ fuq il-bini tal-belt anki jekk ma kienx eskluż li l-militar Russu jwettaq reazzjoni minn ħin għall-ieħor.
Il-kontroffensiva tal-Ukreni qed tidher li rnexxiet ukoll fi bnadi oħra, bit-truppi ta’ Moska jkunu kostretti li jirtiraw anki mill-belt ta’ Voznesensk. L-iżviluppi, hawnhekk, qed jitqiesu bħala embarazzanti għall-magna tal-gwerra tal-President Russu Vladimir Putin għaliex it-truppi tiegħu kellhom jaqgħu lura quddiem il-furja tal-voluntiera ( ċivili) armati, megħjuna mill-militar Ukren.
L-aħħar rapporti sostnew, intant, li l-qawwiet Ukreni kienu qed jippruvaw jieħdu lura territorju f’Kherson, viċin il-Penisola tal-Krimea (li fl-2014 spiċċat annessa mal-art tar-Russja) u li hi l-ewwel belt li waqgħet lir-Russi waqt l-invażjoni.
//= $special ?>