Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-Russi jitilfu aktar kmandanti waqt l-invażjoni

Inqatlu tnejn oħra mill-kmandanti militari tal-President Russu Vladimir Putin….Dan meta l-Armata ta’ Moska, issa, tilfet aktar uffiċjali mlaħħqin f’kampanja waħda miż-żmenijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija.

It-telf kontinwu tal-Ġenerali u uffiċjali militari oħra jirrifletti r-riżultati diżastruża tal-invażjoni Russa  — bl-aħħar rapporti jgħidu li l-Maġġur Dmitry Toptun, li kien jikkmanda battaljun ta’ vetturi armati, miet meta l-karru armat li kien fiha ntlaqat minn missila waqt il-ġlied fil-limiti ta’ Kharkiv.

Intant, ir-Russi kkonfermaw anki il-qtil tal-Maġġur Alexey Osokin, li kien iservi ma’ taqsima tal-paratruppi, waqt il-ġlied fl-Ukrajna.

Dan ifisser li 17 fost il-kmandanti ewlenin – inklużi Ġenerali – ta’ Putin issa tilfu ħajjithom minn wara l-24 ta’ Frar; id-data meta bdiet l-invażjoni tal-Ukrajna.

Sadanittant, talanqas tliet kommandos tal-qawwiet speċjali Russi bl-isem Spetsnaz ukoll mietu waqt il-battalja għall-kontroll ta’ Mariupol. Fost dawn kien hemm kommando Russu mlaqqam ‘Aġent Stalin’ wara li kien ħa l-isem tal-eks dittatur Sovjetiku brutali, Joseph Stalin.