Wara d-deċiżjoni li ħadet il-Kummissjoni Elettorali li ma aċċettatx it-talba tal-Partit Nazzjonalista biex tiġi nulla l-votazzjoni li saret fil-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin, il-Partit Nazzjonalista ressaq mandat ta’ inibizzjoni u rikors quddiem il-Qorti.
Fir-rikors il-Partit Nazzjonalista talab biex il-qorti tħassar il-votazzjoni li saret fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin u biex din l-elezzjoni terġa’ ssir mill-ġdid u dan kif tipprovdi l-liġi elettorali minħabba nuqqasijiet serji tal-Kummissjoni Elettorali. Fid-deċiżjoni tagħha, l-Qorti Kostituzzjonali qalet li hija m’għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ u tiddeċiedi l-każ.
Filwaqt li l-PN jirrispetta bis-sħiħ id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali xorta waħda jibqalu r-riservi tiegħu għaliex in-nuqqasijiet serji min-naħa tal-Kummissjoni Elettorali baqgħu ma ġewx indirizzati fl-interess ta’ proċess elettorali trasparenti u ġust.
Il-Partit Nazzjonalista jassigura lill-elettorat Malti li, kif dejjem għamel, ser jibqa’ impenjat u determinat biex ikun żgurat li l-proċess elettorali jkun wieħed trasparenti, ġust, liberu u ħieles bil-mezzi kollha li ttih il-liġi.
L-azzjoni li għamel il-Partit Nazzjonalista illum hija xhieda ċara li fil-proċess elettorali kollu mhux ser iħalli lill-Kummissjoni Elettorali tonqos mill-obbligi tagħha skont il-liġi.
Fid-dawl ta’ dan kollu huwa kruċjali aktar minn qatt qabel li l-poplu jagħraf il-ħtieġa li jagħti l-appoġġ tiegħu favur il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali ta’ nhar is-Sibt li ġej, u jagħti l-vot tiegħu lill-kandidati kollha tal-istess Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista se jassigura li titwettaq ir-rieda ħielsa tal-poplu Malti f’din l-elezzjoni.
//= $special ?>