“Int għandek id-dritt li tgħix aħjar. Meta jien nagħti kelma, dik il-kelma inżommha u kif wegħdt, il-costings tagħna ħriġnihom b’mod dettaljat. Ikkalkulajna kemm ser noħolqu ġid u ser noħolqu aktar minn 30,000 impjieg ta’ kwalità filwaqt li ser inkabbru l-ekonomija b’aktar minn 40 biljun ewro.” – Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien intervistat mill-Profs. Andrew Azzopardi taħt it-tinda fil-Mosta.
Matul l-intervista Bernard Grech kellu l-opportunità li jwieġeb għal diversi domandi diretti fejn spjega ħafna mill-proposti li l-PN għandu għall-futur ta’ pajjiżna b’mod partikolari, is-settur tas-saħħa, tal-edukazzjoni, u l-qasam soċjali fost l-oħrajn. Il-Kap tal-PN appella għal tibdil fil-mentalità biex inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem bħala poplu.
Bernard Grech spjega kif il-bażi tal-ġid kollu li ser joħloq il-PN ser jiġi mill-ħolqien ta’ 10 setturi ekonomiċi ġodda u aktar miżuri u inċentivi li qed iwiegħed Gvern ġdid tal-PN għas-snin li ġejjin. Dan permezz ta’ politka li tgħin lil kulħadd u ma tħalli lil ħadd barra. Mistoqsi dwar il-faqar, Bernard Grech saħaq li mhux ser jagħmel bħal Partit Laburista li wara 10 snin fil-Gvern għadu se jistudja l-faqar. Hu semma’ id-diversi miżuri li l-PN biex jiġġieled il-faqar u l-għoli tal-ħajja. Dan fost l-oħrajn permezz ta’ fond ta’ 40 miljun ewro li ser imorru dirett biex tiġi miġġielda din il-pjaga. Apparti minn hekk, Gvern ġdid tal-PN ser jagħti lura l-flus kollha li ġew misruqa mill-kontijiet tad-dawl taħt Gvern Laburista, dan filwaqt li l-PN iwaqqaf dan is-serq. Dan bid-differenza tal-Gvern ta’ Robert Abela li ddikjara li mhux se jagħti flus lura.
Meta kien qed iwieġeb dwar is-sondaġġi, Bernard Grech saħaq li l-uniku survey li jgħodd huwa dak tas-26 ta’ Marzu u wiegħed li se jibqa’ iwieġeb id-domandi kollha tal-ġurnalisti għaliex m’għandu xejn x’jaħbi. “Politika awtentika u trasparenti, in-nies ituni l-enerġija, u ninsab seren u nħares ‘il quddiem għaliex tal-PL pruvaw ifittxu fuqi imma ma jistgħu isibu xejn.” Bernard Grech saħaq li għandu fiduċja fl-inteliġenza tan-nies, meta mistoqsi dwar il-fatt li Robert Abela qed jipprova jixtri l-voti billi jibgħat iċ-ċekkijiet. Il-Kap tal-PN staqsa, jekk il-PL għandu daqshekk maġġoranza kif jindikaw is-sondaġġi, għalfejn jinsab f’paniku?
Mistoqsi dwar il-paga massiċċa li Robert Abela akkwista mill-Awtorità tal-Ippjanar, aktar minn 28,000 Ewro fix-xahar. Bernard Grech saħaq li filwaqt li l-Prim Ministru jattakka Gvernijiet passati tal-PN, hu kien qed jieħu 7,000 fix-xahar u f’daqqa waħda malli tela’ Gvern tal-Labour għolietlu l-paga għal aktar minn 28,000. Bernard Grech fakkar kif dan mhux biss, għaliex il-Prim Ministru, kien jabbuża mill-poter u jirranġa permessi għalih stess biex ikompli jagħmel aktar flus. Il-Kap tal-PN fakkar kif Robert Abela għadu ma ppublikax id-dokumenti li Bernard Grech sfidah biex jippublika. Dan apparti li l-propjetà tal-familja Abela kienet tinkera lil oligarki Russi li kienu qed jixtru l-passaport Malti, fejn Bernard Grech saħaq li għalhekk Abela irid iktar poter biex ikompli jagħmel li jrid.
Il-Kap tal-PN kien mistoqsi dwar artiklu fuq il-MaltaToday, fejn diversi akkademiċi wrew li jinsabu urtati dwar ċertu indħil li qed isir. Bernard Grech iddikjara li Gvern immexxi minnu se jaċċerta’ li jmexxi b’politka differenti, waħda li tapprezza kull edukatur u kull suġġett għaliex taħt Gvern tal-PN l-edukazzjoni dejjem imxiet ‘il quddiem. Bernard Grech fakkar f’inċentivi bħal 25% żieda fl-istipendi u 25% żieda fil-grant fejn l-istudenti jkunu jistgħu wkoll jagħtu lura lis-soċjetà. Hu fakkar ukoll kif il-PN ħoloq l-MCAST biex jipprepara liż-żgħażagħ għal diversi impjiegi u saħaq li apparti minn hekk, il-PN irid idaħħal lura l-importanża lil setturi bħal tal-arti, kultura u sport. “Fil-ħajja tista’ tirnexxi għaliex kulħadd għandu potenzjal u dak il-potenzjal nixtieqek tiskoprieħ.” qal Bernard Grech.
Bernard Grech kien mistoqsi dwar il-kaċċa u l-annimali fejn saħaq li l-politka tal-PN hija msejjsa fuq il-persuna. Il-Kap tal-PN saħaq li ma jistax ineħħi d-delizzju ta’ ħadd u jrid jirrispetta lil kulħadd, min jaqbel u anke min ma jaqbilx, għaliex il-persuna, għalih hija importanti. Hu saħaq li minn naħa l-oħra l-PN, fil-Programm Elettorali tiegħu għandu diversi miżuri li bihom iħares id-drittijiet tal-annimali u appella biex kulħadd jimxi mal-obbligi tiegħu. Hawnhekk il-Kap tal-PN għamel aċċen għal diversi proposti li hu għandu għal dan is-settur. Gvern immexxi minn Bernard Grech ser jaċċertà minn sostenibbiltà anke f’dan is-settur, apparti lista twila oħra ta’ proposti konkreti li jħarrsu l-annimali.
Matul din l-intervista, Profs. Azzopardi faħħar il-produzzjoni ‘Ħerġin’ li tella’ l-PN fuq Net Television u l-mezzi soċjali fejn laqqa’ lill-pubbliku mal-kandidati tal-PN.
//= $special ?>