Elezzjoni 2022 Għawdex Lokali

Robert Abela jitkarrab għall-voti ta’ Justyne Caruana fost ix-Xewkin

L-eks Ministru t'Għawdex ma tidhirx b'nemes f'attività Laburista li tat palata lil Clint Camilleri

Ċara daqs il-kristall – Miriam Dalli f’Għawdex, b’botti kontinwi kontra l-Leader, Robert Abela, bil-Ministru tal-5 Distrett tfakkar fil-ġlied li twieled fil-Labour minn kemm ilu Abela u għalhekk fakkritu li s-saħħa hi fl-għaqda.

“Is-saħħa tagħna hi fl-għaqda, bħala moviment wieħed.”

Ironikament, Miriam Dalli ngħatat ftit spazju biex tindirizza attività pubblika u kellha taqsam il-fliegu biex tagħmel dan, fl-istess jum li l-Labour organizza attività politika oħra sagħtejn biss wara propju fid-distrett tagħha, fiż-Żurrieq, li fih Abela sfidaha b’kontestazzjoni diretta.

Izda bi sfida, Dalli attendiet u indirizzat l-attività saħansitra bi ftit leħen għax, fi kliemha stess, ma setgħetx tonqos milli taqsam il-fliegu u tindirizza lill-Għawdxin.

“Ma stajtx ma niġix hawn nindirizzakom.”

U dik li suppost kellha tkun l-attività prinċipali tal-Labour f’Għawdex għal tmiem il-kampanja elettorali, Robert Abela spiċċa fost il-karozzi pparkjati fil-Housing Estate.

Dan minflok ma mar fil-Pjazza ewlenija tax-Xewkija, li tibqa’ magħrufa għall-pompozità li kienet tatha Justyne Caruana meta inawguratha qabel tneħħiet minn Ministru t’Għawdex.

L-istess Caruana li, għal darb’oħra u minkejja li fir-raħal tagħha, reġgħet ma dehritx b‘nemes, fost id-diżappunt tal-Laburisti Għawdxin li stennew li jarawha, biex il-Labour minflok ta l-appoġġ lill-favorit tal-Leader, Clint Camilleri, filwaqt li ma’ Anton Refalo, Abela kien aktar biered.

Matul l-attività, Abela kompla jbeżża’ bil-viżjoni li l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech għandu għal Għawdex u l-Għawdxin, li jrodd lura 3 sptarijiet lill-poplu Għawdxi u Maltin fost l-oħrajn:

“Iridu joħdulkom is-saħħa tagħkom. Magħna tafu fejn qegħdin.”

U dan b’attakki isteriċi, għalkemm fl-ebda ħin ma spjega x’qed iwegħedhom sabiex jitkarrab għall-voti ta’ Justyne Caruana:

“Ejjew ningħaqdu flimkien biex nirranaġaw dak li sar ħażin fil-passat.”

Min-naha tiegħu, l-eks ġurnalist u llum kandidat tal-Labour, Jonathan Attard, qal li dak li għamel s’issa l-Labour kien biss il-bidu, l-istess Labour li daħħal lil pajjiżna fil-greylist u tliet snin ilu kellu Leader iċċertifikat bħala l-aktar politiku korrott fid-dinja.

“Dak li ghamilna kien biss il-bidu.”

Fl-intervent qasir tiegħu f’eżerċizzju ta‘ damage control, Attard fakkar kif il-Labour baqa’ ma nbidilx u għadu aggressiv, tant li qal li għadu aħmar nar.

“Nagħtu rebħa lil dan il-partit aħmar nar.”

Attard prova jtaffi ftit mill-firda li tispikka fost il-Laburisti f’Għawdex, b’messaġġi li jappellaw għas-suldati tal-azzar b’versi mill-Innu Laburista, u anki prova jftaffi l-ħsara li saret man-negozji meta l-Ministru tal-Finanzi għajjar lin-negozji komunisti għall-għajnuna li ngħataw kawża tal-pandemija.  

Sadanittant, fl-attività, Robert Abela tenna l-importanza tal-għaqda fil-Labour fost il-ġlied intern li għandu ma’ Joseph Muscat u Chris Fearne f’Malta u Justyne Caruana f’Għawdex stess.