Elezzjoni 2022 Lokali

Abela jagħlaq kif beda: b’messaġġi negattivi u attakki

Fl-uniku dibattitu li aċċetta li jagħmel direttament mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech – għax mitlub jagħmlu skont il-Liġi, dak organizzat mill-Awtorità tax-Xandir – il-Leader tal-Labour Robert Abela rrepeta biss l-istess messaġġi bħall-kumplament tal-ħames ġimgħat ta’ kampanja … messaġġi negattivi u attakki, kif ukoll ‘damage control’ għall-qasma li ħakmet lil-Labour bejn il-klikka tiegħu u l-klikka ta’ Joseph Muscat.

Imbagħad, meta mistoqsi biex jitkellem dwar is-setturi li jolqtu lill-poplu kollu, Abela ma għamel l-ebda referenza mqar għal settur ekonomiku ġdid wieħed li se jkun qed jiftaħ jekk ikun elett fil-Gvern ….jew għaliex ma kitibx iswed fuq l-abjad fil-Manifest tieghu li ma jżidx taxxi ġodda. L-istess bħalma ma għamel l-ebda referenza dwar il-miljuni li l-Labour seraq f’kontijiet tad-dawl u l-ilma jew fit-taxxa. U lanqas għall-mod kif jista’ jikseb lura t-tliet sptarijiet pubbliċi li l-Labour ta lill-privat.

Fid-dibattitu, Abela kompla jipprova jbeżża’ u jigdeb dwar il-viżjoni fit-tul tal-Partit Nazzjonalista, filwaqt li għamel referenza għal bidla waħda biss ta’ Kummissarju tal-Pulizija … meta fil-verità llum għandna s-sitt Kummissarju minn kemm ilu l-Labour fil-Gvern. U Dwar il-Labour, ma naqsux il-botti u l-attakki ta’ Abela fil-konfront tal-predeċessur tiegħu meta qal li sentejn ilu, hu nħatar Leader f’ċirkostanzi diffiċli.

Hu kompla li taħt il-Labour qatt ma nstabet irregolarità, minkejja li diversi membri tal-Kabinett tiegħu kienu mwissija mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, fejn instab li kisru l-etika. Bl-istess mod li beda jiftaħar bil-governanza tajba, għalkemm ipprova jnessi kif il-Partit tiegħu vvota kontra 12-il Abbozz ta’ Liġi li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech favur il-Governanza Tajba.

U filwaqt li qal li l-Labour hu l-futur ma semmiex il-preżenza ta’ politiċi antiki bħal Joe Debono Grech, Karmenu Vella, Alex Sciberras Trigona u Louis Grech f’diversi attivitajiet tal-Labour, fosthom meta ħabbar il-Manifest Elettorali.