Elezzjoni 2022 Għawdex Lokali

Abela jitkarrab għall-voti ta’ Justyne Caruana fost ix-Xewkin

F’Għawdex, Miriam Dalli kienet ċara daqs il-kristall b’botti kontinwi fil-konfront tal-Leader Robert Abela, bil-Ministru tal-ħames distrett tfakkar fil-ġlied li twieled fil-Labour minn kemm ilu Abela u għalhekk, appellat għall-għaqda. Ironikament, Dalli ngħatat ftit spazju biex tindirizza attività pubblika fl-istess jum li l-Labour organizza attività politika sagħtejn biss wara propju fid-distrett tagħha, fiż-Żurrieq.

U f’dik li suppost kellha tkun l-attività prinċipali tal-Labour f’Għawdex għal tmiem il-kampanja elettorali, Robert Abela spiċċa fost il-karozzi pparkjati fil-Housing Estate. Dan minflok ma mar fil-Pjazza ewlenija tax-Xewkija, li tibqa’ magħrufa għall-pompożità li kienet tatha Justyne Caruana meta inawguratha qabel ma tneħħiet minn Ministru ta’ Għawdex.

L-istess Caruana li, għal darb’oħra u minkejja li fir-raħal tagħha, reġgħet ma dehritx b‘nemes, fost id-diżappunt tal-Laburisti Għawdxin li stennew li jarawha, minflok ikompli jingħata l-appoġġ lill-favorit tal-Leader, Clint Camilleri.

Sadanittant, matul l-attività, Abela kompla jbeżża’ bil-Partit Nazzjonalista, filwaqt li kompla bl-attakki isteriċi, għalkemm fl-ebda ħin ma spjega x’qed iwiegħedhom biex jitkarrab għall-voti ta’ Justyne Caruana.

Min-naħa tiegħu, l-eks ġurnalist u llum kandidat tal-Labour, Jonathan Attard, qal li dak li għamel s’issa l-Labour kien biss il-bidu … l-istess Labour li daħħal lil pajjiżna fil-greylist. Fl-intervent qasir tiegħu f’eżerċizzju ta‘ damage control, Attard fakkar kif il-Labour baqa’ ma nbidilx u għadu aggressiv, anzi “aħmar nar”.

Sadanittant, fl-attività, Robert Abela tenna l-importanza tal-għaqda fil-Labour fost il-ġlied intern li għandu ma’ Joseph Muscat u Chris Fearne f’Malta u Justyne Caruana f’Għawdex stess.