Missio Malta qed iwieġeb għas-sejħa urġenti għall-għajnuna mill-imsieħba tiegħu tal-missjoni fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja, li qed jippruvaw mill-aħjar li jistgħu jfarrġu u jappoġġaw lir-refuġjati li qed jaħarbu min-naħa għall-oħra tal-fruntiera mill-Ukrajna.
“Bħala l-aġenzija Maltija tan-netwerk dinji tas-Soċjetajiet Missjunarji Pontifiċji (PMS), Missio Malta ser jirċievi bi gratitudni kwalunkwe kontribuzzjoni u ser jaħdem mal-kontropartijiet fl-Ukrajna, fil-Polonja, fir-Rumanija u f’pajjiżi oħra Ewropej sabiex jipprovdu appoġġ fejn meħtieġ.” Hekk qal l-Kap tal-Komunikazzjonijiet ta’ Missio Malta, Robert Farrugia.
“It-talb kontinwu u l-appoġġ materjali għal dawk milquta minn dawn iċ-ċirkostanzi traġiċi huma espressjoni tas solidarjetà tal-Knisja Universali hekk kif nirsistu sabiex inġibu t-tama u nagħtu l-ħajja lil dawk li tant għandhom bżonn,” qal Robert Farrugia.

“Fir-Rumanija, il-parruċċani lokali qed jipprovdu għajnuna ta’ emerġenza u appoġġ pastorali, fost kriżi umanitarja li qed tiżvolġi,” jgħid Dun Eugen Blaj, Direttur Nazzjonali, talPMS fir-Rumanija. “Il-maġġoranza huma nisa bit-tfal, li qed jippruvaw isalvaw ħajjithom millgwerra,” ikompli jgħid Dun Eugen. “Iċ-ċentri tar-refuġjati huma ffullati u s-servizzi huma bażiċi, filwaqt li l-parruċċani lokali qed jagħmlu mill-aħjar li jistgħu sabiex jipprovdu saqqijiet, lożor tas-sodda, imħaded u ikel, kif ukoll ħrieqi u provvisti sanitarji bażiċi,” iżid jgħid Dun Eugen.
F’imejl li bagħat lil Misso Malta nhar il-Ġimgħa li għaddiet, huwa qal: “Jekk tistgħu għinu ftit, imqar b’donazzjoni, din tkun ta’ għajnuna kbira.” Dun Eugen jgħid li l-familji qed jiġu separati minn ma’ xulxin, filwaqt li semma’ omm li waslet mat-tfal żgħar tagħha u nannitha, tfittex post fejn jorqdu. “Staqsejtha dwar żewġha,” jgħid Dun Eugen. “Bid-dmugħ f’għajnejha, qaltli li l-irġiel minn 18-il sena ’l fuq jittieħdu għall-gwerra, u forsi d-dar tagħhom inqerdet.”
“Huwa ta’ ħafna uġigħ għar-refuġjati; jekk tistaqsihom xi ħaġa, jibdew jibku,” iżid jgħid. Il-Polonja qed tirċievi r-refuġjati fil-parroċċi lokali tagħha, filwaqt li fil-kappella tal-PMS qed jitolbu għall-paċi dinjija. Ninsabu grati wkoll għall-appoġġ minn Malta. “Dan juri li l-PMS huma familja waħda kbira, familja missjunarja,” jgħid Dun Maciej Bedzinski, Direttur Nazzjonali tal-PMS fil-Polonja.
//= $special ?>