Basketball Sport

Hibernians jerbħu t-tieni unur tal-istaġun

Colin Schembri

Tazza Louis Borg Irġiel

Mellieħa Libertas 76

Hibernians 104

(27-28)(20-21)(18-21)(11-34)

Mellieħa Libertas: A. Wrighten 19, M. Falzon 3, N. Vasovic 16, I. Bonett 8, C. Briffa, M. Seldon 20, M. Azzopardi, CJ Cordina, N. Sultana, L. Tanzini.

Hibs: M. Vires 15, D. Bueja 18, L. Farrugia 3, K. Dimech 8, A. Axiaq 10, M. Attard 11, C. Soderholm 19, I. Demcesen 14, P. Shoults 6.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Kamil Dworniczak, Nicky Azzopardi

Hibernians għamlu pass kbir lejn ir-rebħ tat-tazza Louis Borg meta għelbu lil Mellieħa Libertas 104-76. Però minkejja li r-riżultat finali jagħti ndikazzjoni li Hibs kellhom xi rebħa faċli, kien biss fl-aħħar taqsima li Mellieħa sfaxxaw u sofrew id-dominanza ta’ Hibernians. Hibs irkupraw lil Christian Soderholm u Ivan Demcesen li kienu neqsin fl-aħħar ħarġa tagħhom. Kien Anton Axiaq li fetaħ il-partita għall-Pawlisti b’żewġ baskets qabel ma Mellieħa wieġbu b’seba’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Isaac Bonett. Hibs kellhom trippla ta’ Keith Dimech biex naqqsu d-disakk għal punt però Mellieħa komplew bil-punti ta’ Nenad Bukva u trippla oħra ta’ Bonett biex fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 27-19. Hawn Hibs għamlu break ta’ 9-0 bi trippla ta’ Dimech biex ħadu l-vantaġġ fi tmiem l-ewwel sessjoni 28-27. Fit-tieni taqsima, wara trippla ta’ Peter Shoults għal Hibs, Mellieħa kellhom run ta’ 14-3 b’diversi punti ta’ Austin Wrighten flimkien ma’ Malik Seldon biex reġgħu marru 8 minn fuq. Però kif ġara fl-ewwel sessjoni, Hibs reġgħu rkupraw bi break ta’ 10-0 li għalquh bi trippla minn Soderholm u daħlu jistrieħu 49-47 minn fuq.

Wara l-intervall, Mellieħa reġgħu marru minn fuq wara punti minn Bukva, Nikola Vasovic u Wrighten. Hibs wieġbu bi tlett trippli fosthom tnejn ta’ Matthew Attard u marru 5 minn fuq 66-61. Mellieħa rrispondew bil-punti ta’ Vasovic u Seldon bil-Hibs jagħlqu s-sessjoni b’basket ta’ David Bugeja għal skor ta’ 70-65. Fl-aħħar sessjoni, Hibs fetħu b’ħames punti mingħajr risposta. Għal xi ħin Mellieħa rrispondew biex baqgħu viċin iżda hawn Hibs għamlu run ta’ 22-4 fejn kellhom diversi trippli minn Mason Vires flimkien ma’ Luke Farrugia u l-punti ta’ Bugeja u Soderholm u rnexxielhom jagħqqdu l-mitt punt b’basket ta’ Bugeja u baqgħu sejrin biex rebħu l-partita 104-76 u se jġorru magħhom vantaġġ ta’ 28 punt għat-tieni leg.

Hibernians 94

Mellieħa Libertas 78

(19-21)(26-16)(20-20)(29-21)

Hibs: M. Vires 23, D. Bugeja 13, L. Farrugia 6, K. Dimech 12, A. Axiaq 4, R. Aquilina, M. Attard 2, C. Soderholm 13, I. Demcesen 15, P. Shoults 6.

Mellieħa Libertas: A. Wrighten 22, M. Falzon 5, N. Vasovic 7, I. Bonett 4, M. Seldon 40, N. Bukva, C. Briffa, M. Azzopardi, N. Sultana, L. Tanzini.

Referees: Daniela Torok, Ionut Ciurariu, Florentina Ciurariu.

Hibernians huma r-rebbieħa tat-tazza Louis Borg għal dan l-istaġun wara li fit-tieni finali għelbu lil Mellieħa Libertas 94-78 biex b’aggregate rebħu l-finali 198-154. L-esperjenza ta’ Hibs lagħbet parti mportanti f’din il-finali hekk kif għat-team ta’ Mellieħa kienet l-ewwel finali tagħhom minn meta rritornaw fl-ewwel diviżjoni. Dan kien ukoll it-tieni suċċess tal-Pawlisti f’din il-kompetizzjoni wara li kienu rebħuha fl-2018 u t-tieni unur tagħhom dan l-istaġun wara r-rebħ tas-shield. Dawn iż-żewġ timijiet issa jerġgħu jiltaqgħu fil-31 ta’ Marzu fil-finali tal-BOV Knock out bil-possibilta wkoll li jiltaqħu fis-semifinali tal-play-offs. Hibs għamlu l-intenzzjonijiet tagħhom ċari sa’ mill-ewwel minuti meta marru 13-4 minn fuq u kellhom it-trippli ta’ Mason Vires, Keith Dimech u Christian Soderholm. Mall-ħin però Mellieħa bdew jirkupraw u għaqqdu run ta’ 14-5 bil-punti tal-Amerikani Malik Seldon u Austin Wrighten li kibsu l-punti kollha tagħhom fit-taqsima. Wara risposta ta’ Hibs minn Dimech u Ivan Demcesen, Mellieħa għamlu 5 punti oħra biex temmew l-ewwel sessjoni 21-19 minn fuq. Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Mellieħa kabbru l-vantaġġ wara trippla ta’ Seldon. Hawn però Hibs irkupraw sew u għamlu run ta’ 18-4 b’żewġ trippli ta’ Luke Farrugia u oħrajn minn Dimech u Soderholm. Sa’ tmiem is-sessjoni, Mellieħa bdew jirrispondu għall-baskets tal-avversarji biex fil-mistrieħ Hibs kienu 45-37 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni l-vantaġġ ta’ Hibs reġa’ kiber għal 12 -il punt 53-41 wara punti minn David Bugeja u Vires. Mellieħa wieġbu b’run ta’ 9-0 biex naqqsu l-iżvantaġġ u sa’ tmiem il-perjodu l-punti bdew ġejjin regolarment fuq iż-żewġ naħat biex Hibs baqgħu 12 minn fuq 65-57. Fl-aħħar taqsima, wara li Mellieħa għamlu l-ewwel ħames punti, kien hemm break ieħor ta’ 12-0 minn Hibs bil-punti ta’ Demcesen u trippla ta’ Peter Shoults. Il-partita issa kienet deċiża u ż-żewġ coaches taw ukoll ħin lill-players ta’ fuq il-bank biex Hibs rebħu l-partita 94-78 u t-tazza Louis Borg. Fi tmiem il-partita l-captain Anton Axiaq għolla t-trofew fost il-ferħ tal-players u l-partitarji Pawlisti li ċċelebraw it-tieni unur tal-istaġun. Il-preżentazzjoni saret mis-Sur Stephen Vella f’isem il-familja tal-mibki iżda qatt minsi s-Sur Louis Borg li għalih huwa ddedikat dan it-trofew.