“Il-futur li qed jipproponi l-PN jista’ jsir realtà, jumejn oħra, permezz tal-vot tagħkom” – Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, indirizza l-folla sabiħa li nġabret fil-Belt Valletta għall-Mass Rally organizzat mill-PN fejn beda billi rringrazzja lil dawk kollha li kienu ta’ spalla għalih u għat-tmexxija tal-partit fl-aħħar xhur, b’mod partikolari matul l-aħħar 5 ġimgħat ta’ Kampanja Elettorali. MIchael Piccinino saħaq li dawn kienu 5 ġimgħat impenjattivi fejn fihom il-PN preżenta l-viżjoni tiegħu għal pajjiżna. Hu fakkar kif issa ninsabu jumejn bogħod mid-data tant importanti li ser tiddeċiedi l-futur ta’ pajjiżna.
Is-Segretarju tal-PN saħaq li matul din il-kampanja intqalu ħafna affarijiet fosthom Robert Abela saħaq li din l-elezzjoni hija hija għażla bejn il-passat u l-futur. Hawnhekk Michael Piccinino stqarr li jaqbel mal-Prim Ministru għaliex fi żmien ftit sigħat irridu ngħażlu bejn il-Partit Laburista tal-passat li daħħalna fil-greylist, li ma kreax setturi ekonomiċi ġodda, li m’għamel xejn sabiex jiġġieled l-għoli tal-ħajja, li ma jemminx fl-artisti u l-isportivi tagħna, li għamel dak kollu li seta’ biex jeqred l-ambjent naturali. “U l-Partit Nazzjonalista li f’din il-kampanja preżenta bl-aktar mod ċar il-viżjoni li Bernard Grech għandu għall-futur ta’ Malta u Għawdex tagħna.”
Michael Piccinino spjega kif din hija viżjoni ħolistika u mhux sempliċiment set ta’ mizuri “biex nippruvaw ngħamu lil poplu għall-vot, iżda viżjoni ħolistika u ċara, li biha qed nuru d-destinazzjoni ta’ fejn nixtiequ nieħdu l-pajjiż.” Hu spjega numru ta’ miżuri li qed jipproponi l-PN u saħaq li dan kollu jista’ jkun possibli fi ftit ġranet oħra, bi gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech.
Is-Segretarju Ġenerali fakkar li l-Partit Nazzjonalista mhux talli ħareġ il-costings ta’ kemm ha jiġi jiswa l-programm elettorali imma ħareġ ukoll mudell finanzjarju ta’ kif se jkun qed jaħdem Gvern ġdid tal-PN.
F’messaġġ sinċier, Michael Piccinino għalaq id-diskors tiegħu billi saħaq li l-vot huwa ċ-ċavetta li għandna bżonn biex immexxu l-pajjiż ‘il quddiem. “Jekk int għadek mhux deċiż lil min ser tivvotta nhar is-Sibt li ġej, nappellalek, idħol aqra l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq pn.org.mt/vision, għamel kuntatt mal-kandidati jew uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, djaloga magħna biex niddiskutu l-viżjoni tagħna u ara kif ser ngħinuk tilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħek, għax l-aspirazzjonijiet tiegħek huma l-aspirazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista.”
//= $special ?>