Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden qed jattendi tliet summits separati dwar il-gwerra tal-Ukrajna u li għalihom kien hemm preżenti wkoll il-mexxejja l-oħrajn tal-Punent.
Is-summits — organizzati mill-Unjoni Ewropea, l-Alleanza tan-NATO u l-Grupp tal-Aktar Seba’ Pajjiżi Industrijalizzati ( G7) — wasslu messaġġ ta’ għaqda u solidarjetà mill-Punent li hu kważi mingħajr preċedent.
Filwaqt li din hi l-ewwel darba li President Amerikan qed jattendi laqgħa tal-UE fi Brussell, il-preżenza tiegħu ma tirriflettix biss ġest ta’ simboliżmu. Dan għaliex l-aħħar żviluppi traġiċi fl-Ewropa stimolaw bil-kbir ‘lis-sens ta’ impenn’ tan-NATO – bl-Unjoni Ewropea qed tagħmel li tista’ biex taqta’ l-irbit tagħha mar-Russja fis-settur tal-enerġija.
L-Alleanza tan-NATO – rappreżentata mit-30 Presidenti u Prim Ministri tal-pajjiżi membri — qed tħejji biex tapprova żidiet għall-qawwiet tagħha fl-Ewropa tal-Lvant. Il-parti kbira tal-pajjiżi membri huma anki lesti li jipprovdu l-armi lill-Ukrajna biex tkun tista’ tiddefendi ruħha aħjar kontra l-invażjoni tar-Russi.
Il-Mexxejja tan-NATO, s’issa, qablu dwar l-istazzjonar ta’ erba’ ‘battlegroups’ oħra tal-Alleanza fl-Ewropa tal-Lvant u li se jieħdu posthom fis-Slovakkja, l-Ungerija, il-Bulgarija u r-Rumanija.
Is-Segretarju Ġenerali Stoltenberg qal li l-preżenza ta’ dawn il-‘battlegroups’ għandha timmarka żieda għall-militar tal-Alleanza fir-reġjun ‘fuq it-tul taż-żmien’ – minbarra li ‘tirdoppja’ in-numru tal-‘battlegroups’ attwali fl-Ewropa tal-Lvant.
//= $special ?>