Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, akkuża lill-qawwiet tar-Russja dwar atroċità oħra fuq il-poplu tiegħu…Din id-darba ssemma t-tfigħ tal-bombi tal-fosforu fuq l-ibliet Ukreni u bir-riżultat li qed jinqatlu dejem aktar ċivili, inklużi tfal.
Għalkemm Zelensky ma provdiex il-provi dwar dawn l-attakki, huwa minnu li l-qawwiet tal-President Russu Vladimir Putin qed ikomplu bl-offensiva fuq iz-zoni ċivili tal-Ukrajna — bil-kampanja ta’ Moska tibbaża l-aktar fuq l-isparaturi tar-rokits u l-attakki mill-ajru fuq l-ibliet.
Dan waqt li l-avvanzi tat-truppi u t-tankijiet tal-gwerra Russi baqgħu ftit jew wisq staġnati Ukrajna. Fil-fatt, l-osservaturi fissru s-sitwazzjoni mal-art bħala ‘simili għall-battalji tas-snin disgħin fi Grozny’ meta l-qawwiet ta’ Moska kienu spiċċaw jiġġieldu minn triq għal triq – fuq stil gwerrillier – mad-difensuri Ċeċeni.
Huwa minnu wkoll li r-Russi qed ikomplu jitilfu suldati u t-tagħmir tal-gwerra waqt li l-Ukreni għadhom qed jirreżistu bil-qawwi għall-invażjoni.
Sadanittant, Zelensky kompla jitlob lill-pajjiżi tal-Punent għal appoġġ mill-ajru peress li l-Ukrajna mgħandhiex id-difiżi adekwati għal kontra l-ajruplani tar-Russi.
Għaldaqstant, il-President tal-Ukrajna qed jenfasizza ‘l-inugwaljanzi kbar bejn pajjiżu u r-Russja fejn jidħol tagħmir militari’ waqt li sostna li llum wieħed jista’ jara l-konsegwenzi mill-armi għall-qerda tal-massa li r-Russi qegħdin jużaw ‘bi ħsieb speċifiku’ fuq il-poplu Ukren.
Zelensky sejjaħ ukoll biex il-pajjiżi tad-dinja jibgħatulu l-appoġġ militari ‘bla limitu’ biex isalvaw iln-nies u l-ibliet tal-Ukrajna. Dan meta r-Russi mhumiex iżommu lura fl-isforzi biex jeqirdu bliet sħaħ, flimkien mal-isptarijiet u l-faċilitajiet essenzjali għall-Ukreni.
Filwaqt li l-President tal-Ukrajna għamilha ċara li ‘mhux qed iwaħħal fin-NATO għal din is-sitwazzjoni’, hu tenna li l-Alleanza tal-Punent kapaċi tevita aktar imwiet b’li tipprovdi lill-Ukreni b’aktar munizzjon bħala ‘kwistjoni ta’ ħajja jew mewt’.
//= $special ?>