Il-Kremlin ta’ Moska – taħt it-tmexxija tal-President Russu Vladimir Putin – qiegħed ikeċċi u ‘jumilja’ lill-uffiċjali akkużati bħala responsabbli għad-disfatti militari fl-Ukrajna….Disfatta mdemmija li fiha mietu (s’issa) qrib is-16,000 suldat Russu.
Putin beda l-invażjoni tal-Ukrajna bil-ħsieb li jirbaħ il-kontroll tal-pajjiż ‘fi żmien jumejn’. Iżda minflok, hu qed ikollu jara lill-qawwiet tal-art tal-Kremlin staġnati u weqfin fil-periferiji ta’ Kiev u bliet Ukreni oħrajn, bi ftit li xejn progress f’din il-gwerra li dalwaqt tagħlaq xahar.
Illum, madwar l-Ukrajna wieħed jista’ jara l-fdalijiet tat-tankijiet u karrijiet armati meqruda tar-Russi – minbarra l-mijiet tal-katavri tas-suldati ta’ Moska. U issa il-kollegi ewlenin ta’ Putin fil-Kremlin jinsabu għaddejjin b’‘kaċċa għall-persuni responsabbli mill-fallimenti militari fl-Ukrajna’.
Hemm ukoll rapporti li Vladimir Putin hu ‘irrabjat ħafna’ talli l-Istati Uniti u r-Renju Unit waslulhom ‘leaks’ tal-pjani militari tiegħu li anki spiċċaw f’idejn l-Ukreni. Qed jingħad li l-Istati Uniti u r-Renju Unit saru jafu bil-vera pjani ta’ Putin anki meta hu kien qed jgħid li ‘ma kellux l-intenzjoni li jinvadi lill-Ukrajna’.
Hemm indikazzjonijiet li dawn il-‘leaks’ huma raġuni valida għalfejn numru ta’ Ġenerali u uffiċjali oħrajn tal-Armata Russa spiċċaw eliminati b’mod daqstant effettiv mill-qawwiet tal-Ukrajna.
//= $special ?>