Elezzjoni 2022 Lokali

Il-Labour jagħlaq kif beda: bin-negattività u bl-attakki, Fearne jerġa’ ma jitħalliex jitkellem

Fl-għeluq tal-kampanja elettorali, għal darb’oħra, il-Labour ta’ Robert Abela reġa’ ħeba għal kollox lid-Deputy Leader Chris Fearne billi reġa’ ma tahx ħin jindirizza lill-partitarji fl-aħħar okkażjoni qabel il-vot tas-Sibt li ġej.

Xhieda ta’ kif il-qasma fil-Labour qed tinħass sentejn wara l-ġlieda għal-Leadership bejnu u Robert Abela u wara ħames ġimgħat ta’ ċirkostanzi fejn iż-żewġ politikanti ma waqfux jitfgħu l-botti lil xulxin, anke fid-dawl tal-fatt li l-Labour għad għandu fi ħdanu l-klikka b’saħħitha ta’ Joseph Muscat.

L-istess Muscat li, għad-diżappunt ta’ ħafna partitarji Laburisti preżenti taħt it-tinda, kompla jitpoġġa fil-ġenb minn Abela u sħabu … bil-Leader isemmi biss il-futur biex jipprova jiddistakka ruħu mill-predeċessur tiegħu.

Fuq kollox, il-Labour temm il-kampanja eżatt kif bdiha u bl-istess kantalieni li smajna fl-aħħar ħames ġimgħat … messaġġi negattivi u ta’ attakki mingħajr ma jippreżenta l-ebda viżjoni jew iwieġeb għall-isfidi li qed jiffaċċja l-poplu.

Ma naqasx l-għajjat isteriku ta’ “Viva l-Labour”, partikolarment meta Abela semma’ biss is-sostenn li l-partitarji taw lilu, lil martu Lydia u lil binthom.

Min-naħa tiegħu, id-Deputy Leader l-ieħor, Daniel Micallef, li hu magħruf kemm hu viċin il-Leader, ħa lil dawk preżenti lura għal 50 sena tant li saħansitra semma’ s-sebgħinijiet. Umbagħad, hu anke ftaħar bl-għażla tal-poplu meta vvota favur is-sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea … xi ħaġa li, storikament, il-Labour tant ħadem kontriha.

Sadanittant, l-attività kienet indirizzata mir-raba’ persuna fit-tmexxija tal-Labour, Ramona Attard … filwaqt li Chris Fearne tħalla jiċċassa u jċapċap fost il-partitarji!