Wara biss tlett ijiem minn meta l-Leader tal-Labour Robert Abela ma jiekol mal-iżviluppatur Joseph Portelli, bintu Chloe ngħatat il-permess biex tkabbar art kbira 18-il tomna li tinsab barra z-zona tal-iżvilupp fin-Nadur. Ikla li, ironikament, inżammet ftit jiem biss qabel Maratona Ġbir ta’ Fondi, li minnha l-Labour daħħal rekord ta’ €215,000 minn Għawdex biss.
Is-sit TheShiftNews irrapporta li fost l-Għawdxin, Chloe Portelli ngħatat il-laqam ta’ “Chloe l-Farmer” wara li rreġistrat lilha nnifisha bħala bidwi minkejja li taħdem bħala General Manager tal-kumpanija ta’ lukandi li għandu missierha.
Issa, hi ngħatat permess ukoll mill-Awtorità tal-Ippjanar għal ġibjun tal-ilma u kamra għall-pompi li oriġinarjament kienet inbniet b’mod illegali s-sena li għaddiet. Is-sanzjonar jidher li sewa lill-familja Portelli madwar €1,500 f’multi.
Fl-aħħar jiem, Robert Abela ammetta mal-media li attenda għall-ikla ma’ Joseph Portelli, għalkemm qed jibqa’ jinsisti li l-permessi ta’ ippjanar ma kienux diskussi, kif ukoll li personalment ma rċieva l-ebda donazzjoni finanzjarja.
Min-naħa tiegħu, f’intervista mat-Times of Malta s-sena li għaddiet, l-iżviluppatur kien ammetta li jiltaqa’ ma’ politiċi biex ikunu “mgħaġġla l-affarijiet”. Għaldaqstant, ħafna qed jistaqsu jekk hijiex kumbinazzjoni li l-permess għall-iżvilupp minn Chloe Portelli nħarġu ftit jiem biss wara l-ikla li Abela nnifsu ammetta li attenda għaliha.
//= $special ?>