Edukazzjoni Lokali

Jitniżżel il-livell tal-kwalifiċi meħtieġa biex tidħol il-Junior College

L-MUT tikkonferma li ma kienx hemm konsultazzjoni dwar il-bidliet li saru

Avviż Legali ppubblikat fit-8 ta’ Marzu jemenda l-Att tal-Edukazzjoni b’tali mod li studenti li jkunu jridu jistudjaw fil-Junior College, mhux se jkollhom bżonn il-kwalifiċi bażiċi li kienu jeħtieġu sa ftit ilu.

Skont l-avviż legali studenti li jridu jidħlu f’dan il-kulleġġ mhux se jkollhom bżonn jgħaddu mill-Malti, l-Ingliż u l-Matematika fl-eżami tal-Matrikola imma jridu jgħaddu biss minn wieħed mit-tliet suġġetti meqjusa bħala ħiliet bażiċi.

Din il-bidla fil-kwalifiċi meħtieġa għad-dħul fil-Junior College ħolqot ukoll ħafna frustrazzjoni fost l-edukaturi li qed iqisu din bħala mossa li se tkompli tniżżel il-livell ta’ edukazzjoni tal-istudenti li qed itemmu l-iskola sekondarja. Dan meta f’pajjiżna diġà teżisti problema bil-livell ta’ edukazzjoni taż-żgħażagħ tagħna meta jtemmu l-iskola obbligatorja ta’ 16-il sena.

Ir-reazzjoni tal-MUT

Net News ikkuntattja lill-Union tal-Għalliema għall-ewwel reazzjoni tagħha. Il-President tal-MUT Marco Bonnici kkonferma li l-Union ma kinitx ikkonsultata qabel ma daħlu fis-seħħ dawn il-bidliet. L-istess Union talbet laqgħa mar-Rettur tal-Università kif ukoll mas-Segretarju Permanenti dwar dan, bil-laqgħa mistennija ssir fil-jiem li ġejjin. Bonnici ddeskriva din id-deċiżjoni bħala waħda li ttieħdet mingħajr ħsieb, u bla ma kkunsidrat x’jaħsbu l-letturi tal-Junior College u l-pubbliku in ġenerali li qed iqisu din bħala rigressjoni fil-livelli akkademiċi tal-istudenti.

Intant fi stqarrija mill-istess Union, l-MUT qed tappella lill-Gvern biex iwaqqaf immedjatament id-dħul ta’ din il-liġi, u saħqet li ma jistax ikun li l-edukaturi u l-ġenituri jiġu injorati filwaqt li qed tinsisti li fuq din il-kwestjoni jeħtieġ jinstab konsensus.

Il-Partit Nazzjonalista jgħid li l-Ministru tal-Edukazzjoni ‘għandu ħafna x’jispjega’

Dwar din il-bidla ħa pożizzjoni wkoll il-Partit Nazzjonalista.

Ironikament, l-avviż legali dwar dawn il-bidliet isemmi s-suġġett tal-Oqsma tal-Għerf, iżda fl-avviż din tinkiteb b’mod skorrett kemmildarba bħala ‘għoqsma’ tal-għerf.