Artiklu: Stewart Said
Ir-referee internazzjonali Malti tal-waterpolo Peter Balzan aċċetta l-istedina tal-Federazione Italiana Nuoto biex is-Sibt li ġej flimkien mar-referee Enrico Carmingiani, jikkontrolla logħba mill-ogħla diviżjoni Taljana tal-irġiel.
Balzan se jkun qed jikkontrolla l-logħba mill-kampjonat A1 bejn Brescia u Salerno. Dawn iż-żewġ timijiet jiffurmaw parti mill-aqwa seba’ timijiet fl-Italja. Dan wara li l-FIN kienet kostretta tibdel il-format tal-kampjonat minħabba s-sospensjoni f’Jannar li għadda minħabba l-pandemija.
Dan l-appuntament internazzjonali, isegwi dak li kellu r-referee Malti Ronnie Spiteri. Is-Sibt li għadda, Spiteri flimkien mar-referee internazzjonali Alessia Ferrari kkontrollaw il-logħba f’Ruma bejn Olympic Roma u SC Tuscolano Pallanuoto.
Ta’ min wieħed ifakkar li dawn mhumiex appuntament iżolati għar-referees Maltin tal-waterpolo. Proprju x-xahar li għadda, Peter Balzan u Massimo Angileri kkontrollaw logħbiet mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej tal-irġiel u tan-nisa.
Balzan kien f’Netanya fl-Iżrael u kkontrolla tliet logħbiet minn Grupp D mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-irġiel. Il-logħbiet kienu Iżrael v Turkija, Iżrael v Olanda u Iżrael v Ukrajna. Angileri kkontrolla tliet logħbiet minn Grupp A mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni tan-nisa, jiġifieri Ukrajna v Slovakkja, Irlanda v Ukrajna u Irlanda v Ġermanja.
//= $special ?>