Lokali

Robert Abela: sentejn mexxej tal-Labour u lanqas intervista WAĦDA ma’ ġurnalist indipendenti

Robert Abela ilu sentejn u xahrejn mexxej tal-Labour. U f’dawn is-26 xahar irnexxielu ma jagħtix intervista WAĦDA li hi waħda lil ġurnalist indipendenti.

Meta f’Jannar tal-2020 nieda l-kampanja tiegħu għat-tmexxija tal-Partit Laburista wara li Joseph Muscat kien imġgħiel jirreżenja f’nofs l-agħar kriżi politika tal-aħħa deċenji f’pajjiżna, Abela għamel stqarrija ċara ferm lill-ġurnalisti. “Jien se nkun qrib ħafna tagħkom”. Minn dakinhar irriffjuta KULL talba li rċieva għal intervisti minn ġurnalisti indipendenti.

Fl-aħħar minn sensiela twila ta’ intervisti li rriffjuta hemm dik ma’ Mark Laurence Zammit mit-Times of Malta.

Iżda l-ġurnalist tat-Times xorta waħda għażel li jagħmel l-intervista mingħajr Robert Abela.

F’video li deher fuq is-sit elettroniku tat-Times, b’siġġu vojt quddiemu, Zammit jispjega kif fl-aħħar ġimgħat it-Times kien għamel tliet stediniet identiċi lil Robert Abela u lil Bernard Grech. Stednuhom għal dibattitu. Bernard Grech aċċetta. Robert Abela m’aċċettax. Stednuhom għal intervista one-to-one. Bernard Grech aċċetta. Robert Abela m’aċċettax. Stednuhom biex iqattgħu magħhom ġurnata waħda mill-kampanja elettorali. Bernard Grech aċċetta. Robert Abela m’aċċettax.

Mark Laurence Zammit jgħid li kienu bosta l-ġurnalisti tal-istess ġurnal li għamlu talbiet simili, saħansitra pprova l-editur u kellmu anke lill-Uffiċju tal-Prim Ministru. Iżda kien kollu għalxejn. U t-tweġiba li rċieva Zammit għat-talbiet tiegħu kienet li ‘l-Prim Ministru busy ħafna u xorta qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti’.

Il-ġurnalist jispjega kif meta l-ġurnalisti jmorru jiġru wara Robert Abela bil-mikrofonu, dik mhux intervista. Kemm għax kull ma jkollok ċans hu biss li tagħmel mistoqsija waħda jew tnejn qabel ma Abela jaħrab jiġri, kemm għax f’dak il-kuntext huwa faċli għalih li ma jweġibx.

Imma f’intervista bilqegħda quddiem il-ġurnalisti, huwa ħafna aktar diffiċli li ma jweġibx.

Zammit jispjega kif f’pajjiżi demokratiċi, il-Prim Ministru għandu l-obbligu li jagħti intervisti lill-ġurnalisti. Abela ilu aktar minn sentejn jaħrabhom. U qed jibqa’ jaħrab intervista anke lejliet l-elezzjoni.

Hawnhekk, il-ġurnalist elenka l-mistoqsijiet li kien jagħmel lil Abela li kieku kien aċċetta l-istedina għall-intervista.

Kien jistaqsih kif beħsiebu jiffinanzja l-wegħdi li għamel fil-manifest. Kien jistaqsih kif se jnaqqas id-dejn fil-pajjiż, fl-isfond tal-gwerra fl-Ukrajna, tal-pandemija li għadha għaddejja u l-kriżi tal-ikel u tal-flus. Ried jistaqsih x’viżjoni għandu għall-Partit Laburista u għal Malta, fejn jixtieq li jieħu lil Malta. Ried jistaqsih fuq l-ambjent u kif se jnaqqas il-kostruzzjoni u l-isfreġju ambjentali. Kien jistaqsih fuq l-assi u fuq il-flus li għandu mġemmgħin. Kien jistaqsih dwar ir-relazzjoni ma’ Christian Borg u kif ma ġietux f’rasu, meta kien qed jinnegozja miegħu, li jistaqsih kif ta’ età daqstant żgħira kien diġà akkumula dawk il-flus kollha. Jekk ġewhx dubji li forsi dawn il-flejjes ġabhom minn atti kriminali.

Mark Laurence għalaq billi rringrazzja lil dawk li segwew din ‘l-intervista li ma seħħitx’.

Intant sal-bieraħ stess, ġurnalist ieħor staqsa lil Abela għaliex qed jibqa’ jevita intervisti mal-media indipendenti.

https://www.facebook.com/NetNewsMalta/posts/10160321359239026?cft[0]=AZUF43zVFSEEps8Y-vOomlikwivh_REek9oL5BNDhrSHRdjVZhU5mEBifK9sLxhCehwr3dbL7Ww4Q0ZtQHgpOgRdgfZAkK76t25Toqp_KyG7Bza75QqkwLN8JOM9G0dhAoqPmL0rKYl2_ydDI_NWcsESMvAG39dXsUAMIbVF33I0slKo-1gweZErxDVBw427zXg&tn=%2CO%2CP-R
L-intervista li qatt ma seħħet – is-siġġu vojta ta’ Robert Abela