Lokali

“Rosianne Cutajar kisret il-Kodiċi tal-Etika” – il-Kunsill tal-Ewropa

Il-Kunsill tal-Ewropa ikkonkluda li d-Deputat Laburista Rosianne Cutajar kienet fi ksur serju tal-Kodiċi tal-Etika tal-Assemblea Parlamentari.

Issa l-kumitat tal-Kunsill se jkun qed iħejji u jippubblika rapport u se jinforma lill-ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti ta’ pajjiżna Anġlu Farrugia bid-deċiżjoni tiegħu.

Cutajar, li kienet ir-rappreżentanta ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa nstabet ħatja bi ksur tal-Artiklu 10 li jgħid li l-ebda membru m’għandu jaġixxi bħala ‘avukat’ ta’ xi ħadd bi ħlas fix-xogħol tal-assemblea. Kisret ukoll l-artiklu 12 li jipprojbixxi lil membri milli jużaw il-pożizzjoni tagħhom fl-interessi tagħhom personali jew ta’ ħaddieħor.

L-eks Segretarju Parlamentari u llum mill-ġdid kandidata tal-Labour kienet instabet li kisret l-istandards pubbliċi mill-Kummissarju George Hyzler meta ħadet senserija fuq bejgħ ta’ propjetà tal-ħabib intimu tagħha Yorgen Fenech. Madankollu l-uniku konsgwenza f’dak il-każ kienu erba’ kelmiet ta’ twissija minn Anġlu Farrugia.