Lokali Qorti

Taljan, u koppja mir-Repubblika Dominikana jinżammu arrestati fuq traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus

Tliet barranin u żewġt irġiel u mara nżammu arrestati mill-Maġistrat Monica Vella wara li ġew akkużati b’reati ta’ traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus. Taljan ta’ 51 sena ġie arrestat f’Marsaxlokk u b’rabta mal-istess każ ġew arrestati koppja mir-Repubblika Dominikana, raġel ta’ 49 sena u mara  ta’ 24 sena f’residenza privata l-Imsida.

Hawn instabet id-droga kokaina u ammont konsiderevoli ta’ flus. L-arresti saru wara ħidma kbira mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga fuq manifattura u t-traffikar tad-droga kif ukoll ħasil tal-flus. Il-Pulizija qalet li Michele Artale, Sqalli li joqgħod iż-Żurrieq ġie arrestat f’Marsaxlokk wara li rċeviet informazzjoni li kien qed juża binja f’Ħal Far għat-traffikar.

Huwa kien segwit, imwaqqaf u nstab fil-pussess ta’ madwar €10,000 fi flus kontanti. Fi tfittxija separata f’binja f’Ħal Far u fid-dar tiegħu fiż-Żurrieq, il-pulizija sabu madwar kilo droga suspettata kokaina u madwar €40,000 oħra fi flus kontanti.

B’rabta mal-istess każ, fir-residenza tal-koppja fl-Imsida nstabu diversi oġġetti relatati mal-manifattura tal-kokaina. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca u Marshal Mallia mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, u mill-Ispettur Keith Mallan mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji.

L-Avukat Arthur Azzopardi deher għal Artale filwaqt li l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Noel Bianco deheru għall-koppja mir-Repubblika Dominikana. .