“Ejja nimxu t-triq flimkien. Ejja nagħmlu l-impossibbli possibbli. Ejja nuru lil Maltin kollha. Li aħna hawn qegħdin. Flimkien u magħqudin. Miegħek għal Malta.”
Dak kien il-qofol tad-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza l-aħħar mass rally ta’ din il-kampanja elettorali.
Huwa qal li matul din il-kampanja elettorali ddiskutejna u urejna l-viżjoni politika għal dan il-pajjiż… dan hekk kif mal-ewwel 100 siegħa l-PN ħareġ il-programm elettorali tiegħu.
L-għażla ta’ nhar is-Sibt li ġej hija jew li nagħtu aktar poter lil-Labour wara dawn l-aħħar 10 snin, jew li nsaħħu l-vuċi ta’ dawk kollha li jridu l-aħjar għal dan il-pajjiż. Jew se ngħidu prosit lill-abbuż ta’ poter jew se ngħidu, issa daqshekk – tibqgħux tidħku bina.
Bernard Grech saħaq li Robert Abela qalilna li kellu bzonn €28,000 euro fix-xahar għax kien jaħdem fil-weekends. Minbarra dawk il-flus kollha ħa €80,000 oħra talli ħadem fil-weekends! Apparti dan kollu Robert Abela ried dar fl-ODZ. Uża l-poter tiegħu biex iħallas nofs il-prezz tiegħu.
Saħaq li sfida lil Robert Abela jippubblika r-rapport tal-evalwazzjoni tal-perit li jsir għad-dipartiment tat-taxxa wara xiri ta’ propjeta’. U siket! Mhux bilfors jisket jekk il-periti tal-Gvern lanqas biss marru jaraw propjeta’ li kellha d-dellijiet kollha biex messu qajmet suspett.
Huwa qal li pajjiżna għandu Prim Ministru f’dagħdiha ta’ xiri ta’ voti fl-aħħar jiem qabel l-elezzjoni. Tkellem dwar kif illum sirna nafu li nbiddlu r-rekwiżiti anke fuq id-dħul għal Junior College u quddiem dan kollu, il-Ministru tal-Edukazzjoni għandu jagħti spjegazzjoni għax din hija daqqa kbira lis-sistema edukattiva. Turija ċara li l-Labour waqa’ f’livelli bla preċedent biex jaħtaf il-poter.
Pajjiżna għandu Prim Ministru li għandu l-passat jiġri warajh. Prim Ministru li jibqa’ jaħseb fih innifsu. Prim Ministru f’Paniku. Sitwazzjoni li ma tirriflettix pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea. Prim Minsitru li jagħmel li jrid – marina, bini f’ODZ, €50,000 għal mara tal-ministru, 13,000 fix-xahar għal chief of staff ta Chris Fearne. U inti tibqa’ bil-frak.
Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalsita dejjem kellu fiduċja fil-poplu… Partit li minkejja l-ostakli kollha dejjem imxejna ‘l quddiem.Partit li huwa favur id-demokrazija… favur li ħadd ma’ jibqa’ lura
Partit Nazzjonalista li huwa kontra li jkollok klikka li tistgħana u ssir miljunarjara minn fuq dahar il-poplu Malti. Partit li huwa favur in-nazzjon kollu. Kburin b’Malta u Għawdex. Kburin bil-poplu Malti u Ghawdxi.
Partita li huwa favur l-ambjent. Għaliex il-bniedem irid tassew jirrispetta n-natura li fi ħdanha jgħix. Partit li huwa l-Partit tal-Ewropa, il-Partit li nsista u nrexxielu bl-appoġġ tan-nies idaħħal lil Malta fl-Unjoni Ewropea fejn għamel suċċess wara l-ieħor fil-Gvern.
Partita li anki mill-Oppożizzjoni għamel suċċess! Għaliex l-uniku ahbar tajba li harget minn Malta fl-Ewropa fi żmien il-Labour kienet l-elezzjoni ta’ Roberta Metsola għall-ogħla kariga fl-Unjoni Ewropea kollha.
Partit favur id-drittijiet tan-nisa, partit li ġab l-ugwaljanza tan-nisa fil-liġi ċivili Maltija, rivoluzzjoni kbira fejn kollox irid isir bil-parteċipazzjoni u kunsens tal-mara fil-familji Maltin.
Partit favur protezzjoni tad-diversità. Partit tal-Edukazzjoni. Partit tax-xogħol. Partit li emmen dejjem f’Malta u l-Maltin u l-Ghawdxin.
Bernard Grech qal li l-PN ħoloq s-settur tat-turizmu u l-industrija wara li sirna indipendenti, li żviluppajna s-settur finanzjarju u tal-gaming, u dak marittimu, kollha setturi li jimpjegaw fis-sod. Dan għaliex l-ekonomija għalina hija fil-qalba ta’ dak li jrid isaħħaħ Gvern ġdid – u għandna l-pjan għal 10 setturi ġodda – quddiem falliment wara l-ieħor tal-Labour li joħolqu setturi ġodda tal-ekonomija.
Il-Kap tal-PN qal li l-għaqal, is-sens ta’ servizz, l-għaqda nazzjonali jridu jirbħu fuq l-arroganza, fuq ir-regħba tal-klikka u fuq it-tribaliżmu li ħakem lil pajjiżna fl-aħħar disa’ snin. Saħaq li l-mument li tqumu u turu li mhux se tħallu lill-Gvern jittrattakom b’din l-arroganza u sens ta’ poter assolut aktar.
“Jiena għandi l-akbar fiduċja fikom, l-akbar fiduċja fl-għaqal tagħkom, l-akbar fiduċja fil-poplu Malti u Għawdxi. Dan hu l-mument taghkom, tal-poplu Malti u Ghawdxi kollu li aħna ngħożżu b’umiltà u b’impenn ġenwin favurikom.”
//= $special ?>