Lokali

Bejn Ġunju u Frar il-prezzijiet żdiedu bi 11.57%

Fi tmien xhur, xirja ta’ mitt ewro għoliet b’xejn inqas minn €11.57. Fi kliem semplici, familja li sa Ġunju kienet tonfoq €400 ewro f’xahar mis-supermarket, issa qed tispicca ittajjar €46 ewro żejda jiġifieri ftit aktar minn €446 għal preċizament l-istess oġġetti.

Skont statistika li għandu f’idejh Net News, il-prodotti li jinbiegħu mis-supermarkets raw żidiet sostanzjali minn Ġunju ‘l hawn.

Bejn Ġunju u Lulju kien hemm żieda ta’ 1.15% fil-prezzijiet. F’Awwissu, il-prezzijiet fil-ħwienet għolew bi 2.34% fuq dawk ta’ Ġunju. F’Settembru ż-żieda kienet ta’ 3.22% u f’Ottubru, l-affarijiet kienu għolew b’4.69% fuq il-prezzijiet ta’ Ġunju.

Iż-żieda fil-ħames xhur bejn Ġunju u Novembru kienet dik ta’ 6.49% u f’temp ta’ sitt xhur, jiġifieri bejn Ġunju u Diċembru, il-prezzijiet kienu zdiedu bi kwazi 9% – preċiżament 8.99%.

Hekk kif bdejna s-sena l-ġdida il-prezzijiet komplew jgħolew, bid-differenza bejn Ġunju u Jannar tkun ta’ 10.26%, biex sa Frar id-differenza kienet ta’ 11.57%.

Dan ifisser li xirja medja ta’ €100 fil-ġimgħa għoliet b’xejn inqas minn €11.57 f’temp ta’ 8 xhur u llum tiswa €111.57.

U issa, bil-kunflitt fl-Ukrajna, il-prezz ta’ kull ma jiġi impurtat f’pajjiżna,  jiġifieri prattikament kollox, mistenni jkompli jgħola, kemm għax qed togħla ħafna materja prima, kif ukoll minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-fuels.

Dan kollu jfisser li l-prezzijiet tal-aktar affarijiet bażiċi se jkomplu jgħolew b’mod konsistenti fix-xhur li ġejjin. Dan wara li diga’ kellna zidiet fil-prezz tal-hobz, il-halib lokali, iż-żejt, ġobnijiet u yoghurts, kif ukoll il-prezz tal-medicini u prodotti tal-ħasil.