Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Iridu jgħaddu s-snin biex terġa’ tinbena l-belt ta’ Mariupol

Il-katastrofi umana fil-belt Ukrena ta’ Mariupol kompliet taqleb għall-agħar, bl-awtoritajiet lokali jgħidu li jridu jgħaddu s-snin biex din il-belt tinbena mill-ġdid wara x-xita ta’ bombi li waqgħu fuqha.

Il-qawwiet Russi anki baqgħu jimblukkaw l-għajnuna umanitarja liċ-ċivili f’Mariupol li ilha mill-ewwel jiem tal-gwerra ċirkondata mit-truppi tar-Russja.

Dan waqt li n-nuqqas ta’ ilma, gass u elettriku għar-residenti tal-belt sar aktar akut minn qatt qabel, bis-sitwazzjoni mal-art qed tidher ikkumplikata peress li l-qawwiet Russi qegħdin jokkupaw xi bnadi ta’ Mariupol. Madankollu, hu minnu li s-suldati tal-Gvern Ukren qed jikkontrollaw xorta l-parti kbira ta’ din il-belt tal-port, minkejja ċ-ċirkustanzi diffiċli.