Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: ‘Kontu tard wisq biex twaqqfu t-theddida minn Moska’

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, informa lill-pajjiżi Ewropej li ‘kienu tard wisq’ biex iwaqqfu t-theddida minn Moska matul il-jiem u ġimgħat qabel il-gwerra. Hu suġġerixxa li kieku l-pajjiżi wettqu s-sanzjonijiet minn qabel fuq ir-Russja kien ikun hemm possibbiltà akbar li din il-gwerra fl-Ewropa ma sseħħx.

Intant, Zelensky ħeġġeġ biex l-Istati Ewropej ma jitilfux iż-żmien ħalli japprovaw it-talba tal-Ukrajna biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.

Id-diskors tal-President Ukren segwa jum intensiv ta’ summits ta’ emerġenza fi Brussell fejn ħadu sehem ir-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-Punent li qegħdin jopponu l-invażjoni ta’ pajjiż sovran mill-qawwiet tal-Kremlin.

Iżda filwaqt li l-President Zelensky talab lill-mexxejja tan-NATO biex jipprovdulu l-fighter jets għal difiża mill-ajru aktar effettiva, l-Istati Uniti għadha mhix konvinta minn dan il-pass minħabba l-possibbiltà li l-Alleanza tan-NATO tidħol fi gwerra mar-Russja li tinvolvi l-armi nukleari.