Esperti dwar id-drittijiet umani fil-belt Ukrena ta’ Mariupol irreferew għal oqbra tal-massa fl-inħawi u ‘fejn kull wieħed kapaċi qed iżomm talanqas 200 katavru’.
Matilda Bogner, il-Kap tal-UN Human Rights Monitoring Mission fl-Ukrajna, qalet li l-analisti ta’ magħha għadhom jippruvaw jevalwaw l-iskala tal-vittmi ċivili f’din il-belt. Dan meta Mariupol spiċċat l-aktar belt ibbumbardjata mill-qawwiet Russi fost l-ibliet kollha tal-Ukrajna u fejn ix-xeni huma simili għall-agħar straġi tat-Tieni Gwerra Dinjija.
L-oqbra tal-massa qed ikunu indikati ‘bl-informazzjoni mis-satellita’ għalkemm mhux bilfors li l-katavri hemmhekk huma kollha ta’ ċivili. L-istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti ma tinkludix l-imwiet fost il-militar jew imwiet ‘għal raġunijiet oħra’ waqt il-gwerra.
Bogner qed tgħid li fil-gwerra tal-Ukrajna mietu talanqas 1,035 ċivili għalkemm sorsi oħra man-NU jemmnu li dan in-numru hu konsiderevolment ogħla milli qed juru ċ-ċifri uffiċjali. Dan minħabba li ħafna rapporti miz-zoni tal-gwerra fl-Ukrajna qed ivarjaw sew minn xulxin.
F’Mariupol biss hemm indikazzjonijiet li r-residenti maqtula, issa, qabżu t-3,000. Dan meta l-katavri għadhom mifruxin fit-toroq tal-belt għaliex hu wisq perikoluż għall-iskwadri tal-emerġenza biex joħorġu u jiġbruhom. Għaldaqstant, ħafna minn dawn il-vittmi mhumiex qed ikunu identifikati u qed jispiċċaw fl-oqbra tal-massa fid-diversi nħawi ta’ Mariupol.
//= $special ?>