Deskritta bhala mossa stramba dik tal-ahhar jiem, meta mingħajr ebda diskussjoni jew konsultazzjoni, inbidlu ‘l-entry requirements’ tal-Junior College.
Mingħajr wisq spjegazzjoni, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ddeċċieda l-‘O’ levels tal-Malti, l-Ingliż, il-Maths u suġġett ta’ xjenza, mhux ser jibqgħu mandatorji biex student jidħol il-Junior College.
Avviż Legali ppubblikat dan ix-xahar emenda l-Att tal-Edukazzjoni b’tali mod li studenti li jkunu jridu jistudjaw fil-Junior College, mhux se jkollhom bżonn il-kwalifiċi bażiċi li kienu jeħtieġu sa ftit ilu… imma jridu jgħaddu biss minn wieħed mit-tliet suġġetti meqjusa bħala ħiliet bażiċi – jiġifieri Ingliż, Malti jew Matematika.
Din il-bidla fil-kwalifiċi meħtieġa għad-dħul fil-Junior College ħolqot ukoll ħafna frustrazzjoni fost l-edukaturi li qed iqisu din bħala mossa li se tkompli tniżżel il-livell tal-edukazzjoni tal-istudenti li qed itemmu l-iskola sekondarja. Dan meta f’pajjiżna diġà teżisti problema bil-livell ta’ edukazzjoni taż-żgħażagħ tagħna meta jtemmu l-iskola obbligatorja ta’ 16-il sena.
Il-President tal-MUT Marco Bonnici kkonferma li l-Union ma kinitx ikkonsultata qabel ma daħlu fis-seħħ dawn il-bidliet. L-MUT qed tappella lill-Gvern biex iwaqqaf immedjatament id-dħul ta’ din il-liġi, u saħqet li ma jistax ikun li l-edukaturi u l-ġenituri jiġu injorati …filwaqt li qed tinsisti li fuq din il-kwestjoni jeħtieġ jinstab konsensus.
//= $special ?>